Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC

Il-MEUSAC u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’pajjiżna

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 20.03.18

Fl-aħbarijiet spiss nisimgħu dwar diskussjonijiet li jkunu għaddejjin bejn unions li jirrapprappreżentaw lill-ħaddiema f’diversi setturi u rappreżentanti u awtoritajiet ta’ min iħaddem, kemm jekk pubbliċi u privati. Fost l-oħrajn, dawn id-diskussjonijiet isiru dwar ftehmiet kollettivi għall-ħaddiema f’oqsma differenti tal-ekonomija, reviżjonijiet ta’ prattiċi tax-xogħol, kif ukoll applikazzjoni ta’ miżuri favur bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Dawn id-diskussjonijiet huma parti mill-hekk imsejjaħ djalogu soċjali u l-għan aħħari tiegħu hu li fid-deċiżjonijiet li jittieħdu jintlaħaq kemm jista’ jkun bilanċ bejn l-esiġenzi tal-imsieħba soċjali, il-politiki tal-gvern tal-pajjiż u n-nies li jkunu se jiġu affettwati.

Id-djalogu soċjali ma jsirx biss fuq livell nazzjonali. L-imsieħba fid-djalogu soċjali f’Malta jiffurmaw parti minn organizzazzjonijiet Ewropej li jġibu flimkien l-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u lill-professjonisti mill-pajjiżi Ewropej.

Dan il-proċess jiġbor fih madwar 80 organizzazzjoni Ewropea minn setturi differenti li jikontribwixxu għad-djalogu fis-setturi rispettivi tagħhom. Xogħolhom jissarraf biex jiġu żviluppati regolamenti bħall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar fuq livell Ewropew.

F’Malta, il-MEUSAC u l-MCESD (il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali) huma għodda għal djalogu soċjali effettiv. Filwaqt li l-MCESD hu iktar iffukat fuq materji ta’ natura domestika bħal, pereżempju, il-Baġit, il-MEUSAC iġib flimkien l-imsieħba soċjali, biex flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern jiddiskutu materji marbuta ma’ proposti leġiżlattivi tal-UE u dokumenti ta’ konsultazzjoni li jaffettwaw lil Malta bħala Stat Membru u lid-diversi setturi soċjali fil-pajjiż.

Il-MEUSAC jaħseb biex dan id-djalogu jsir fuq diversi livelli. Il-Core Group, li hu presedut mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, jiġbor fih rappreżentanti tal-Gvern, tal-korpi kostitwiti, tas-soċjetà ċivili, tal-parlament nazzjonali u dak Ewropew, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, jiltaqa’ biex jiġu diskussi proposti ta’ liġijiet tal-UE u materji oħra ta’ importanza nazzjonali. Fost suġġetti oħrajn il-Core Group tal-MEUSAC iddiskuta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Futur tal-Ewropa, il-Brexit, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-programm tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE. Darbtejn fis-sena, il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group qabel imur għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Il-membri tal-Core Group jużaw dawn il-laqgħat sabiex iwasslu s-suġġerimenti tagħhom biex il-pożizzjoni ta’ Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej tkun dejjem aktar effettiva.

Il-MEUSAC għandu wkoll disa’ kumitati settorjali li jiġbru flimkien firxa wiesgħa ta’ għaqdiet mhux governattivi u operaturi privati. F’dawn il-kumitati, jiġu diskussi diversi suġġetti li jkunu se jħallu impatt fuq livell lokali f’setturi bħall-agrikoltura u s-sajd, l-ambjent, it-telekomunikazzjoni u l-energija, u affarijiet tal-konsumaturi u l-kompettitività. Dan isir permezz ta’ sessjonijiet ta’ konsultazzjoni u informattivi li jlaqqgħu lill-membri tal-kumitati settorjali u rappreżentanti tal-gvern. Dawn l-istrutturi tal-MEUSAC jagħtu l-possibiltà li jkun hemm pjattaforma fejn il-pubbliku jkollu l-opportunità li jsemma’ l-vuċi tiegħu u jikkontribwixxi fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

Minbarra dan, il-MEUSAC jorganizza attivitajiet biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar diversi aspetti tas-sħubija ta’ Malta fl-UE kif ukoll dwar temi importanti bħall-futur tal-Ewropa.

Sabiex il-MEUSAC ikun dejjem iktar relevanti, matul is-sentejn li ġejjin, ser ikun qed jibbenifika mill-Fond Soċjali Ewropew sabiex jimplimenta proġett li bih l-uffiċjali tal-MEUSAC se jingħataw taħriġ speċifiku bil-għan li jilħqu aktar għaqdiet mhux governattivi fil-proċessi ta’ konsultazzjoni, u b’hekk isaħħu il-proċess tad-djalogu soċjali. Il-proġett se jipprovdi taħriġ ukoll lill-għaqdiet imsieħba fil-MEUSAC, biex ikollhom l-opportunità li jinvolvu lilhom infushom aħjar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE.

Apparti minn dan, il-MEUSAC ser ikun qiegħed jikkontribwixxi iktar fit-tixrid tal-informazzjoni. Dan għaliex il-MEUSAC ġie magħżul mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex iservi ta’ ċentru ta’ informazzjoni dwar l-UE, hekk imsejjaħ Europe Direct Information Centre (EDIC Valletta). L-għan aħħari tal-MEUSAC bħala ċentru EDIC huwa li jgħin liċ-ċittadini Ewropej ikunu aktar infurmati dwar ix-xogħol li tkun qed twettaq l-UE. Iktar ma ċ-ċittadini jkunu infurmati, iktar ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi differenti tad-djalogu soċjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum.

Dawk interessati li jkunu jafu iktar dwar is-servizzi offruti mill-MEUSAC jistgħu jżuru l-uffiċċji tal-MEUSAC f’280, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, jew jikkuntattjawna bl-email fuq info.meusac@gov.mt, bit-telefon 2200 3300, jew iżuru s-sit elettroniku www.meusac.gov.mt.

« Back