Fondi Ewropej għat-tisbiħ tal-ambjent rurali

Jistgħu jibbenefikaw bdiewa, kunsilli lokali, negozji u individwi

Artiklu miktub minn Kurt Cortis – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 08.03.18

Malta, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) tibbenifika minn fondi għall-iżvilupp tal-ambjent
rurali f’ħames setturi speċifiċi: l-ilma, l-iskart u l-enerġija; prodotti Maltin ta’ kwalità; is-settur sostenibbli
tal-annimali; il-pajsaġġ u l-ambjent naturali; l-ekonomija rurali u l-kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-fondi
jingħataw mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali li għall-perjodu 2014-2020 jammontaw għal €129 miljun.

Il-fondi għall-iżvilupp rurali jingħataw wara sejħiet għall-applikazzjoni minn dawk li jkunu interessati li
jibbenefikaw. S’issa, minn dawn il-fondi ġew finanzjati proġetti bħall-bini ta’ toroq rurali, biex il-bdiewa
jingħaqdu fi skemi tal-kwalità, kemm lokali kif ukoll Ewropej u proġetti għall-adattament ta’ metodi talbiedja
organika.

Bħalissa tinsab miftuħa opportunità ta’ fondi sabiex isiru investimenti fl-ambjent rurali Malti. Is-sejħa
għall-applikazzjonijiet (Sotto-Miżura 4.4) tippermetti diversi investimenti relatati mal-ambjent rurali u lklima.
Fost il-proġetti li jistgħu jsiru taħt din is-sejħa nsibu: ir-restawr tal-ambjent naturali u l-pajsaġġi;
ir-restawr tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ rurali u strutturi agrikoli; xogħlijiet meħtieġa biex jiffaċilitaw ilkonservazzjoni
tal-ilma u tal-ħamrija; kif ukoll it-tħawwil ta’ siġar għall-ġestjoni tal-ħamrija u għallkontroll
tat-telf tal-ħamrija minħabba l-erożjoni.

Għalkemm l-applikazzjonijiet jistgħu jsiru għal proġetti fil-kategoriji msemmija, il-parti l-kbira tal-fondi
qegħdin ikunu allokati biex jitwettaq restawr jew bini ta’ ħitan tas-sejjieħ f’żoni rurali. Taħt din il-miżura
jistgħu jibbenefikaw kemm individwi u kif ukoll entitajiet pubbliċi u privati. Fil-fatt, jistgħu japplikaw taħt
din il-miżura, kemm bdiewa reġistrati (part-time u full-time) kif ukoll kunsilli lokali u negozji fis-settur
agrikolu jew rurali, biex jibnu jew jirrestawraw ħitan tas-sejjieħ, meqjusa bħala wirt naturali u kulturali
Malti.

Il-kunsilli lokali jistgħu japplikaw biex jirranġaw jew jinbnew ħitan tas-sejjieħ li jkunu jmissu kemm ma’
triq pubblika kif ukoll ma’ għelieqi privati.

Il-bdiewa jistgħu japplikaw individwalment jew bħala grupp biex jibnu jew jirrestawraw ħitan tas-sejjieħ
fl-art privata tagħhom, kif ukoll bejn l-għelieqi.

Importanti li l-proġetti li jitwettqu ma jkollomx l-iskop li jsir xi qligħ jew dħul ekonomiku għar-razzett jew
negozju rurali ieħor. Biex ikunu eliġibbli, investimenti taħt din il-miżura jridu jkunu wkoll konformi malliġijiet
għall-protezzjoni tal-ambjent, kemm nazzjonali u wkoll tal-UE.

L-awtorità li tiġġestixxi dawn il-fondi hija d-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi Ewropej (FPD) fi ħdan
il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza (MEAE). Il-fondi allokati speċifikament għal din ilmiżura
huma ta’ €12-il miljun. Ir-rata ta’ kofinanzjament hija ta’ 80% u għaldaqstant l-applikanti jkunu
mistennija joħorġu 20% tal-ispejjeż. Madankollu, il-massimu ta’ fondi li jistgħu jiġu mogħtija għal kull
proġett huwa ta’ €150,000, eskluża l-VAT. Din is-sejħa se tibqa’ miftuħa sa ma jintużaw il-fondi
allokati kollha.

L-applikazzjonijiet għal proġetti jistgħu jsiru mal-FPD sad-9 ta’ April, 2018. Għaldaqstant, dawk li
huma interessati japplikaw u jixtiequ jkunu jafu aktar, jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq
funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back