Pjan ta’ Azzjoni fl-Edukazzjoni Diġitali

Artiklu ppubblikat fuq Voice of the Workers Weekly – 03.03.18

Bħala parti mis-sett ta’ proposti ffokati fuq it-tisħiħ ta’ kompetenzi prinċipali u ħiliet diġitali, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret it-twaqqif ta’ Pjan ta’ Azzjoni fl-Edukazzjoni Diġitali, li jiddeskrivi kif l-Unjoni Ewropea se tkun kapaċi tgħin liċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet edukattivi u sistemi edukattivi sabiex jaddattaw aħjar għall-ħajja u x-xogħol fi żmien diġitali li qed jgħaġġel.

L-idea prinċipali hi li wieħed jaddatta ruħu aħjar għall-użu tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim, l-iżvilupp ta’ kompetenzi u ħiliet diġitali essenzjali, kif ukoll it-tisħiħ ta’ sistemi  edukattivi permezz ta’ l-analiżi tad-data.

Dokument informattiv mehmuż mal-proposta jisħaq dwar il-ħiliet diġitali li huma vitali għal 90 fil-mija tal-impjiegi fil-ġejjieni – xi ħaġa li hi ‘l bogħod minn dak li l-ħaddiema preżenti jistgħu jesegwixxu. F’dan l-istadju, 44 fil-mija tal-Ewropej għandhom nuqqas ta’ ħiliet diġitali bażiċi filwaqt li inqas minn 20 fil-mija tal-professjonisti fl-ICT huma nisa – qabża sinifikanti bejn l-irġiel u n-nisa fid-dinja diġitali.

Fil-każ ta’ Malta, instab li 52 fil-mija tal-popolazzjoni għandhom mill-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi. Skont rapport dwar Malta, min iħaddem fl-industrija tal-ICT qed iħabbat wiċċu ma’ nuqqasijiet fil-ħiliet għal professjonisti fl-ICT u li qed jispiċċa biex jiddependi minn ħaddiema barranin.

« Back