M’għadhiex treġi l-idea fost il-pajjiżi membri li l-immigrazzjoni hija problema ta’ pajjiż wieħed – il-Prim Ministru Joseph Muscat

Fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm ir-realizazzjoni li hemm bżonn li ssir xi ħaġa dwar l-immigrazzjoni. L-idea li l-immigrazzjoni hija problema ta’ pajjiż jew ieħor m’għadhiex treġi. Ovvjament kif jikkontribwixxu dawk il-pajjiżi u l-pajjiżi kollha għad qed tiġi diskussa u hemm diversi ideat fuq il-mejda.

Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li qed jattendi għas-Summit Informali f’Salżburgu fl-Awstrija flimkien mal-mexxejja u l-kapijiet tal-Istati Ewropej.

Il-Prim Ministru tenna li l-immigrazzjoni baqgħet fuq nett tal-aġenda u ninsabu f’sitwazzjoni fejn aħna bħala pajjiż għidna li lesti nkomplu nagħmlu xogħolna iżda nistennew li jkollna l-appoġġ, u nistennew ukoll li ma noqogħdux nistennew li jkun hemm kriżijiet biex isiru ċerti passi min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li n-numru tal-wasliet tad-dgħajjes fil-Mediterran ċentrali naqas drastikament, kważi bi 80% meta mqabbel mas-sena li għaddiet, xorta għandna sitwazzjonijiet – li qed jiżviluppaw prattikament mill-ġdid – ta’ vapur ta’ NGO li jidher li ġabar numru ta’ migranti f’ibħra internazzjonali li jappartjenu lil-Libja. Hemm ukoll il-kwistjoni fejn dawn se jmorru, għax li kieku nġabru mill-coastguard Libjana, kienu jittieħdu lura l-Libja, qal Dr Muscat. Aħna li qegħdin ngħidu huwa li hemm bżonn li għal kull min jipparteċipa f’dawn is-sessjonijiet, ikun hemm rules of engagement li jkunu ċari ħafna b’rispett lejn il-liġijiet internazzjonali imma b’tali mod li dawn ir-regoli jkunu ċari.

Joseph Muscat qal li filwaqt li ma kienx mistenni li jkun hemm xi żblokk ewlieni llum, dawn huma passi li jsiru wara xulxin. Bħala pajjiż, meta kellna problemi u meta kien hemm problemi li mhux tagħna, iżda Ewropej, aħna konna l-uniku pajjiż li rnexxielna nikkonvinċu lill-pajjiżi l-oħra sabiex jieħdu l-immigranti. Meta daħlu l-aħħar immigranti f’pajjiżna, l-ebda wieħed minnhom ma baqa’ f’Malta u marru postijiet oħra.

Il-Prim Ministru qal li hu totalment qed jirrifjuta l-idea li Malta ssir ċentru reġjonali jew ċentru ewropew tal-immigranti fejn kulħadd jiġi hawn imbagħad naraw x’nagħmlu wara. Għalina dan mhux aċċettabbli iżda jekk ikun hemm bżonn soluzzjonijiet dwar każi individwali, dejjem lesti nagħmlu xogħolna, żied Dr Muscat.

Dwar Brexit, il-Prim Ministru qal li huwa jemmen li l-prinċipji għadhom ċari. Min-naħa ta’ Malta, aħna rridu li jkun hemm ftehim, iridu li l-Unjoni Ewropea tkun flessibli kemm jista’ jkun, u Malta se tkun flessibli kemm jista’ jkun. Dan intqal ukoll nhar it-Tnejn li għadda lill-Prim Ministru Inġliża Theresa May stess, filwaqt li sostna li l-flessibilità trid tiġri fil-qafas tar-regoli Ewropej. Ma jistax ikun hemm eċċezzjonijiet għar-regoli Ewropej.

Agħfas hawn għar-reazjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk.

« Back