‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’: Għeluq tal-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa sehem f’laqgħa maċ-ċittadini li ġabet fi tmiemha serje ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea organizzati mill-MEUSAC. Bit-tema, ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’, dawn il-laqgħat saru fil-qafas tal-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini li qed iseħħu f’27 Stat Membru tal-UE. L-attività mal-Prim Ministru saret fil-Berġa ta’ Aragona, li tospita l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-punt kruċjali ta’ xi tfisser l-UE għandu jkun ix-xogħol, li m’għandniex nitkellmu dwaru biss meta jkollna l-qgħad, għaliex fl-aħħar mill-aħħar ix-xogħol ifisser il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Hu qal li l-UE għandha bżonn tkun iktar miftuħa għan-negozju billi tnaqqas il-burokrazija u tinvesti iktar fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan għandha tagħmlu iktar meta bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, l-Ewropa se titlef mal-10% tal-aqwa 500 università fid-dinja. Il-Prim Ministru qal li l-UE hi l-kontinent fejn ħafna nies jixtiequ jgħixu u għaldaqstant hu importanti li nibnu fuq dak li hu pożittiv fl-UE biex tittejjeb il-ħajja tan-nies.

Diversi membri tal-pubbliku qajmu punti marbuta mal-UE u l-futur tagħha, fosthom dwar: kif it-tkattir tax-xogħol fl-Ewropa qiegħed jiġbed investiment barrani; li l-pożittiv fl-Ewropa jegħleb in-negattiv u għandna nerġgħu mmorru lejn il-valuri li sawruha; kif ma nistgħux nitkellmu fuq l-immigrazzjoni fl-Ewropa waqt li ninjoraw il-kontinent Afrikan; il-bżonn ta’ iktar tqassim tal-ġid biex jonqos il-faqar; kif l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jkunu aktar qrib in-nies; l-importanza li fil-perjodu finanzjarju tal-UE għall-2021-2027 jingħataw iktar prominenza l-elementi u d-drittijiet soċjali.

B’reazzjoni, il-Prim Ministru qal li fiż-żmien li ġej l-Ewropa għandha tkun il-kontinent li l-aktar jindokra l-kummerċ ħieles fid-dinja waqt li jsaħħaħ dejjem aktar is-suq ħieles tas-servizzi. Tkellem ukoll dwar il-movimenti estremisti fl-Ewropa li, fi kliemu, nibtu biex ikunu alternattiva għall-partiti stabbiliti li ma laħqux l-aspirazzjonijiet jew ma indirizzawx it-tħassib tan-nies. F’dan ir-rigward, Joseph Muscat qal li “rridu mmorru aħna għand dawk li huma diżillużi bl-Unjoni Ewropea, u mhux nikkundannahom għaliex assoċjaw ma’ partiti estremisti”.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li Malta dejjem imxiet fuq il-prinċipji tal-ħajja u l-interess nazzjonali. Il-Prim Ministru Muscat tenna l-importanza li nitkellmu fuq l-istejjer pożittivi li ħarġu mill-Unjoni Ewropea, u mhux biss l-aspetti negattivi. Eżempju ċar huwa l-kooperazzjoni mal-Libja, fejn permezz ta’ fondi Ewropej issaħħet il-gwardja tal-kosta Libjana biex ir-responsabbiltà għaż-żona tat-tiftix u salvataġġ madwar l-istess kosta ngħatat lura lill-awtoritajiet Libjani. Dan wassal biex il-gwardja kostali tal-Libja salvat mal-14-il elf persuna mill-għarqa. Il-pass li jmiss, żied il-Prim Ministru, kien li l-UE tadotta pjan komprensiv għall-kontinent Afrikan li jmur lil hinn mill-immigrazzjoni u jħares ukoll lejn l-aċċess għas-swieq Ewropej.

Fid-diskussjoni ssemmiet ukoll il-politika t’awsterità u l-konsegwenzi tagħha, bil-Prim Ministru Joseph Muscat isostni li Malta tista’ sservi ta’ mudell kif pajjiż jibni ekonomija soda, ma jonfoqx bl-addoċċ, waqt li jimmaniġġja l-finanzi b’mod tajjeb u b’rispett sħiħ lejn ir-regolamenti Ewropej.

Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb, li mexxa l-laqgħa, tkellem dwar il-konklużjonijiet ewlenin tal-konsultazzjonijiet li saru f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex u ġabu flimkien ċittadini minn spettru wiesgħa ta’ setturi, fosthom il-bdiewa, l-istudenti, il-ħaddiema u min iħaddem, il-koperattivi, is-sħab soċjali u għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam soċjali u tal-immigrazzjoni fost l-oħrajn. Hu qal li l-konklużjonijiet tal-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini f’Malta se jinġabru mill-MEUSAC f’rapport li, flimkien mar-rapporti tas-26 Stat Membru l-oħra, jiġi ppreżentat lill-kapijiet ta’ Stat u Gvern fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru. Il-konklużjonijiet imbagħad jiġu ppreżentati fis-summit tal-istess kapijiet f’Mejju 2019 f’Sibiu, ir-Rumanija. Dan mistenni jkun l-ewwel summit wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

« Back