Il-Caritas se tiftaħ ċentru fil-Ħamrun għal min ikun għaddej minn żmien iebes

Fi żmien sentejn oħra, il-Caritas se tiftaħ l-ewwel ċentru fil-komunità li minnu se toffri s-servizzi kollha t’appoġġ u prevenzjoni lill-familji u individwi li jkunu għaddejjin minn xi żmien diffiċli.

It-tmexxija tal-Caritas qalet li l-proġett kienu ilu ppjanat is-snin, u se jsir bl-għajnuna ta’ żewġ miljun ewro mill-Unjoni Ewropea.

Binja tal-Knisja fil-Ħamrun li kienet ilha snin abbandunata se tinbidel f’ċentru fil-komunità mmexxi mill-Caritas għall-persuni li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet jew għadhom kif temmew programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-ħsieb taċ-ċentru hu li jkompli joffrilhom appoġġ u sabar fil-komunità stess.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt qal li din hi ħolma li se ssir realtà għaliex il-proġett kienu ilu 14-il sena fuq l-ixkaffa u qatt ma sar minħabba nuqqas ta’ fondi.

“Kienet viżjoni ta’ Monsinjur Victor Grech li jkun hemm ċentru iktar viċin tal-komunità għall-komunità, kemm għall-komunità lokali u anke għall-familji bi bżonnijiet differenti, jiġifieri ċentru fejn nilqgħu support groups, eżempju li jkollna għall-persuni anzjani jew romol jew separati jew żgħażagħ u nies li jbatu mis-solitudni,” spjega s-Sur Gatt.

Il-proġett se jsir bl-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-MEUSAC. Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan hu proġett soċjali importanti li se jgħin persuni jkomplu jirriformaw, joħorġu mill-faqar u jintegraw fis-soċjetà.

“Aħna bħala Gvern Soċjal-Demokratiku nemmnu illi l-persuni mhux biss għandhom jiġu mgħejjuna, imma jiġu wkoll integrati bis-sħiħ fil-kommunità, u b’hekk aħna ddeċidejna, wara evalwazzjoni, li nikkontribwixxu lejn dan il-proġett interessanti, b’żewġ miljun ewro ta’ fondi Ewropej,” qal Dr Farrugia.

Il-pjan tal-Fondazzjoni Caritas hu li l-proġett ikun lest fis-sentejn li ġejjin. Il-binja se tinkludi kappella, l-amministrazzjoni tal-Caritas, il-Fondazzjoni Użura, l-Assoċjazzjoni tal-Epilessija, Huntington Support, it-taqsima tal-prevenzjoni u crisis intervention centre.

« Back