Il-futbol professjonali: Barriera? jew Opportunità għall-Ugwaljanza?

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-magazine Sportiv – 01.12.19

Justin Fashanu, plejer tal-futbol li fis-snin tmenin sar l-ewwel plejer b’kulur ta’ ġilda skura fir-Renju Unit li sewa miljun lira sterlina meta ffirma mal-klabb ta’ Nottingham Forest FC. F’Ottubru tal-1990, Fashanu stqarr pubblikament li huwa gay. B’hekk Fashanu sar l-ewwel plejer professjonali tal-futbol li tkellem dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu f’dinja li sa dak iż-żmien kienet tqis plejers gay bħala tabù.

Minħabba l-stqarrija pubblika li għamel, l-istorja ta’ Fashanu żvolġiet minn waħda promettenti għal waħda mimlija problemi, kemm fid-dinja tal-futbol, kif ukoll barra minnha. Justin Fashanu wettaq suwiċidju fl-età ta’ 37 sena. Mill-każ ta’ Fashanu sal-ġurnata tal-lum għad ma kienx hemm plejer professjonali li jilgħab f’wieħed mill-hekk imsejħa kampjonati l-kbar – Ingilterra, Spanja, Italja, Franza u Ġermanja – li identifika lilu nnifsu bħala gay waqt li kien għadu jilgħab ma’ xi klabb. Thomas Hitzlsperger – plejer Ġermaniż li lagħab b’mod professjonali ma’ klabbs fil-Ġermanja, l-Italja u l-Ingilterra – u Oliver Rouyer, plejer Franċiż li lagħab b’mod professjonali ma’ klabbs Franċiżi, kienu l-uniċi żewġ eċċezzjonijiet, għalkemm fiż-żewġ każijiet, tkellmu dwar is-sesswalità tagħhom wara li rtiraw.

Fil-qasam tal-futbol professjonali tan-nisa jidher li b’mod ġenerali l-orjentazzjoni sesswali tal-plejers hija iktar aċċettata. Il-plejers Megan Rapinoe – captain tat-tim nazzjonali tal-Istati Uniti u rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol tan-nisa, u Marta – plejer tan-nazzjonal tal-futbol tan-nisa Brażiljan – huma żewġ professjonisti fost l-iktar famużi li jidentifikaw bħala persuni gay.

Huma wkoll bosta l-klabbs professjonali tal-futbol li qed jaħdmu sabiex titqajjem kuxjenza dwar is-suġġett u sabiex partitarji jiġu edukati bl-aħjar mod biex kull forma ta’ diskriminazzjoni, anke dik abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, tinqata’.  Fil-fatt, huma diversi l-klabbs li llum il-ġurnata għandhom gruppi ta’ partitarji LGBTIQ fost il-partitarji tagħhom.

B’danakollu jibqa’ l-fatt li fid-dinja tal-futbol professjonali, l-idea ta’ plejers b’orjentazzjoni sesswali differenti mhijiex waħda ideali u jidher biċ-ċar li ħafna Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, sfortunatament għadhom mhumiex lesti biex jilqgħu fi ħdanhom professjonisti sportivi LGBTIQ. Riċerka li saret mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fost 93,000 persuna LGBTIQ uriet kemm persuni b’orjentazzjonijiet sesswali differenti jiffaċċjaw diskriminazzjoni f’oqsma differenti f’ħajjithom. S’issa, fil-qasam tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, persuni LGB biss huma protetti minn diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Fis-sena 2008, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Direttiva dwar it-Trattament Ugwali tal-persuni li kellha l-għan li tipproteġi lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea minn kull forma ta’ diskriminazzjoni fosthom orjentazzjoni sesswali, reliġjon, u età f’oqsma li jmorru lil hinn mis-settur tal-impjieg biss, bħall- protezzjoni soċjali, kura tas-saħħa u edukazzjoni. Ladarba din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, l-Istati Membri kollha jkunu obbligati jilħqu riżultati fattibbli, f’dan il-każ fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

B’danakollu, għalkemm fl-Unjoni Ewropea din id-Direttiva għadha ma daħlitx fis-seħħ, f’Malta saru avvanzi konsiderevoli fil-qasam tal-ugwaljanza, speċjalment fl-aħħar snin. Wieħed kull m’għandu jagħmel huwa jara l-Pjan ta’ Azzjoni għal persuni LGBTIQ li ġie addotat fl-2015 u l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza għal persuni LGBTIQ 2018-2022, bit-tieni strateġija turi biċ-ċar l-impenn tal-Gvern Malti li jkompli jibni fuq il-progress li sar s’issa.

Fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea din id-darba ser ikollha l-ewwel Kummissarju responsabbli totalment mis-settur tal-Ugwaljanza. Fit-2 ta’ Ottubru li għadda, l-eks Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Dr Helena Dalli, ġiet approvata bħala Kummissarju ġdid f’dan il-qasam mill-Parlament Ewropew u ser tkun qed isservi għall-ħames snin li ġejjin. Dan wara li għal numru ta’ snin kienet minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni ta’ riformi lokali fil-qasam tal-ugwaljanza.

Wieħed allura jittama li l-isforzi li qed isiru, kemm lokalment kif ukoll fil-qasam tal-Unjoni Ewropea sabiex ngħixu f’dinja iktar ugwali jkomplu jħallu l-frott anke fid-dinja tal-isports. Fi sport bħalma huwa l-futbol u li huwa segwit minn miljuni jekk mhux biljuni, ta’ partitarji madwar id-dinja huwa importanti li kunċetti ta’ ugwaljanza u nuqqas ta’ diskriminazzjoni jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis possibbli.

« Back