Sehem iċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 19.02.2020

Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, b’xi mod jew ieħor jaffettwaw lil kull wieħed u waħda minnha. Għaldaqstant, matul proċess twil sakemm tgħaddi xi liġi ġdida, ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ikunu qegħdin iħarsu l-interessi tagħna.

Kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll dak lokali, l-opinjoni ta’ dawk li joperaw f’setturi differenti hija importanti sabiex il-liġijiet fl-Unjoni Ewropea jiġu mfasslin bl-aħjar mod possibbli. Għalhekk, permezz ta’ dak li jissejjaħ djalogu soċjali, huwa importanti li setturi differenti jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar liġijiet li jkunu qegħdin jiġu proposti.

F’Malta, il-MEUSAC hi l-aġenzija responsabbli li tikkonsulta ma’ setturi differenti f’isem il-Gvern.

Primarjament, id-djalogu soċjali jsir waqt tltet stadji differenti tal-proċess leġizlattiv Ewropew:
· Waqt konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, qabel ma tiġi ppubblikata proposta ta’ liġi;
· Qabel ma tittieħed pożizzjoni nazzjonali fuq proposta waqt negozjati fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;
· Waqt li d-Direttivi jkunu fil-fażi ta’ implimentazzjoni fil-liġijiet Maltin.

L-iktar eżerċizzji komuni sabiex ikun hemm djalogu soċjali effettiv, huma l-laqgħat ta’ konsultazzjoni, fejn ċittadini, esperti, u dawk li jaħdmu f’diversi setturi, jkollhom l-opportunità li jiddiskutu proposti leġiżlattivi ma’ uffiċjali tal-Gvern ta’ Malta. Il-fehmiet li jiġu mwassla waqt dawn il-laqgħat huma importanti sabiex tiġi fformulata l-pożizzjoni tal-pajjiż waqt negozjati li jkunu qegħdin isiru fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mhumiex l-uniku aspett tad-djalogu soċjali. Il-MEUSAC tħares ukoll lejn l-użu tat-teknoloġija sabiex tilħaq lil dawk li mhux dejjem isibuha possibbli li jattendu għal-laqgħat konsultattivi. Għalhekk, fis-sit elettroniku tal-MEUSAC, wieħed jista’ juża għodda li nidejna dan l-aħħar u li permezz tagħha qed inwessgħu l-parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea.

Il-Policy Tracker jidentifika dawk il-proposti li huma ta’ importanza għal Malta, u jagħti rendikont tal-proċess leġiżlattiv għal kull proposta. Dan bil-għan li joffri informazzjoni relevanti fuq proposti b’mod li hu iktar aċċessibbli u ċar. Fl-istess waqt, is-sistema toffri l-faċilità li jintbagħtu l-kummenti lill- MEUSAC. Dawn il-kummenti jiġu mressqa lill-entitajiet konċernati sabiex ikunu kkunsidrati fit-tfassil tal-pożizzjoni finali ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-djalogu soċjali hi essenzjali sabiex ikun assigurat li proposti leġizlattivi jkollhom impatt pożittiv fuq livell lokali. Għal iktar informazzjoni, u biex iżżomm ruħek aġġornat fuq il-proċess konsultattiv, segwina fuq is-sit elettroniku; Facebook; info.meusac@gov.mt; jew 2200 3300.

« Back