COVID-19 – Għarbel sew dak li taqra

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 06.04.2020

Ftit huma dawk li forsi bassru l-mod li bih il-Coronavirus kien ser jibdlilna ħajjitna. Ir-rata mgħaġġla li biha nxterdet il-marda, ġabitna f’sitwazzjoni differenti ħafna minn dik li konna mdorrijin ngħixu sa ftit tal-ġimgħat ilu.

Fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, it-tixrid tal-COVID-19 beda tista’ tgħid f’Jannar b’każijiet iżolati, u fi ftit ġimgħat l-Ewropa saret l-epiċentru tal-marda, b’rati għolja ħafna ta’ infezzjonijiet u ta’ mwiet f’xi Stati Membri, fosthom l-Italja u Spanja.

Mhux l-ewwel darba li fuq siti differenti onlajn telgħu artikli b’informazzjoni mhux korretta. Biżżejjed naraw kummenti fuq il-midja soċjali li jgħidu li l-Unjoni Ewropea, f’nofs din il-kriżi, mhux qed tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex is-sitwazzjoni preżenti titjieb kemm jista’ jkun malajr. Kien hemm anke referenzi għal pajjiżi terzi, fosthom iċ-Ċina, li qed jagħmlu iktar fl-isfond ta’ din il-kriżi mill-Unjoni Ewropea stess. Filwaqt li huwa veru li pereżempju, iċ-Ċina qed tagħti kontribut siewi fil-ġlieda kontra l-Coronavirus, huwa wkoll minnu li l-Unjoni Ewropea qed taħdem favur riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni preżenti u dan għandu jingħad b’mod ċar.

Huwa propju għalhekk li l-awtoritajiet, kemm lokali kif ukoll fuq livell Ewropew qegħdin kulma jmur iwissu dwar l-importanza li ċittadini jafdaw biss sorsi awtorevoli biex jiksbu informazzjoni tajba u aġġornata rigward il-ġlieda kontra l-COVID-19. Dan japplika wkoll għal tixrid ta’ informazzjoni mhux verifikata fi żmien diffiċli għad-dinja.

Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha qed jaħdmu kontra d-diżinformazzjoni u dan qed isir permezz ta’ koperazzjoni iktar mill-qrib ma’ numru ta’ pjattaformi onlajn. Dan l-eżerċizzju kontinwu qed iħeġġeġ numru ta’ siti onlajn jippromwovu sorsi tajbin u jevitaw li jużaw sorsi qarrieqa.

Fi spazju qasir ta’ żmien, l-Unjoni Ewropea għamlet it-tħejjijiet kollha neċessarji sabiex il-qasam mediku f’kull Stat Membru jkun megħjun bl-aħjar mod minn diversi aspetti. Mill-aspett finanzjarju, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Inizjattiva għar-Rispons tal-Coronavirus, b’allokazzjoni ta’ €37 biljun, li s’issa hija somma konsiderevoli meta wieħed jikkunsidra anke l-limitazzjonijiet li jġib miegħu teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell kontinentali. Barra minn hekk, €1 biljun qed ikunu allokati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea sabiex iservu ta’ garanzija għall-Fond Ewropew tal-Investiment biex jinċentiva l-banek jipprovdu likwidità lill-SMEs Ewropej f’perjodu tant kritiku.

Barra minn hekk, l-operazzjoni RescEU qed taħdem bla waqfien favur l-immaniġġjar ta’ tagħmir mediku ta’ importanza għall-Istati Membri kollha u biex dan imur fejn meħtieġ. Il-produzzjoni ta’ tagħmir mediku għaddejja ġmielha u dan anke bl-għajnuna li pprovdiet l-Unjoni Ewropea. L-għajnuna li qed tingħata lilna miċ-Ċina hi wkoll riżultat ta’ għajnuna li l-Unjoni Ewropea pprovdiet fil-bidu tas-sena meta ċ-Ċina kienet meqjusa bħala l-iktar pajjiż milqut. F’dak li jirrigwarda għajnuna bejn l-Istati Membri, qed naraw diversi inizjattivi ta’ solidarjetà. Ta’ min insemmu sptarijiet Ġermaniżi li qed jieħdu pazjenti Taljani u l-maskli mibgħuta minn Franza u l-Awstrija lit-tobba Taljani.

Waqt li fil-qasam tas-saħħa, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex jedd tieħu deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati Membri, b’danakollu l-Unjoni Ewropea xorta tista’ tieħu ħsieb li ċertu inizjattivi f’dan il-qasam jittieħdu b’mod ‘mgħaġġel’ u skont l-esiġenzi taċ-ċirkustanza. Każ li ta’ min isemmi huwa l-appoġġ finanzjarju (sa €80 miljun) li l-Kummissjoni Ewropea offriet lil CureVac (żviluppatur ta’ tilqim innovattiv Ġermaniż) sabiex iżid l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ tilqima kontra l-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea.

Ir-realtà tibqa’ waħda li permezz ta’ ħidma kontinwa min-naħa ta’ kulħadd tista’ tingħeleb. It-tama hi li li din il-kriżi tqarribna iktar lejn xulxin u nagħrfu kemm nistgħu nkunu iktar b’saħħitna meta ningħaqdu iktar f’Unjoni Ewropea. Minn din l-għaqda fil-ġlieda kontra l-COVID-19 ingawdu aħna wkoll bħala Stat Membru tagħha.

« Back