Fondi Ewropej għat-Taħriġ tal-Għalliema

Artiklu miktub minn Rebecca Zammit – Uffiċjal tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 23.11.2020

M’hemmx dubju dwar il-ħtieġa li l-iskejjel Maltin u Għawdxin jibqgħu jinvestu kontinwament fil-kapaċitajiet tal-edukaturi tagħhom, speċjalment billi jitgħallmu mill-iżviluppi li qegħdin isiru fil-pajjiżi Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni. Hekk ikun żgurat li l-istudenti jkollhom edukazzjoni moderna u li tirrispondi għall-isfidi tal-lum il-ġurnata.

Il-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea Erasmus+ jiffinanzja fost oħrajn proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni. Permezz tal-Erasmus+, l-Unjoni Ewropea tgħin lill-iskejjel sabiex irawmu t-titjib fil-kwalità, l-innovazzjoni, u joħolqu kuntatti ma’ skejjel f’pajjiżi oħra. B’ hekk l-iskejjel jirċievu għajnuna finanzjarja sabiex jindirizzaw oqsma importanti fl-edukazzjoni, jew diffikultajiet li jżommu t-tfal milli jilħqu l-potenzjal tagħhom, bħal pereżempju t-tluq bikri mill-iskola, il-litteriżmu u l-ħiliet fin-numri u l-ħiliet diġitali.

Waħda minn dawn l-opportunitajiet ta’ fondi hija dik ta’ proġetti ta’ mobilità għall-edukaturi.

Permezz ta’ dawn il-fondi, skejjel (u kulleġġi) f’Malta u Għawdex jistgħu japplikaw sabiex jibagħtu barra minn Malta, għalliema u persuni oħra li huma responsabbli għall-edukazzjoni fl-iskejjel biex jattendu korsijiet ta’ taħriġ, jgħallmu fi skejjel oħra għal perjodu ta’ żmien, jew jaraw kif jgħallmu skejjel f’pajjiżi oħra. B’hekk, il-parteċipanti jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom għall-benefiċċju tal-istudenti f’pajjiżna.

Meta skola titħajjar tapplika għal dawn il-fondi, l-ewwel għandha tidentifika xi nuqqas partikolari fl-għarfien jew l-esperjenza tal-edukaturi tagħha, li minħabba f’hekk l-edukaturi ma jistgħux jagħtu l-aħjar edukazzjoni u appoġġ possibbli lill-istudenti. Pereżempju, edukaturi jistgħu jirċievu taħriġ sabiex jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet ta’ studenti li ġejjin minn ambjent żvantaġġjat jew bi bżonnijiet speċjali. Wara li jidentifikaw dawn il-bżonnijiet għall-proġett, imbagħad l-iskola trid issib entità barranija li ser tilqa’ l-edukaturi tagħha u toffrilhom programm ta’ attivitajiet ta’ taħriġ.

Eżempju ta’ proġett ta’ suċċess huwa dak tal-Kulleġġ San Benedittu ta’ Ħal Kirkop. Grazzi għall-inizjattiva ta’ żewġ għalliema, il-kulleġġ irċieva għotja ta’ iktar minn €5,000 sabiex żewġ għalliema siefru fi skola oħra fi Spanja għal ħmistax-il ġurnata. Hemmhekk huma għallmu f’ambjent ta’ edukazzjoni differenti minn tagħhom. Meta ġew lura, iż-żewġ għalliema fasslu numru ta’ attivitajiet oħra fejn għaddew lill-kollegi tagħhom it-tagħlim li ġabru. Fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ dan il-proġett, l-għalliema tal-Kulleġġ San Benedittu bbenefikaw billi żviluppaw aħjar l-għarfien tagħhom fuq modi ta’ tagħlim differenti.

Ħafna edukaturi jkunu jixtiequ li jipparteċipaw f’opportunitajiet għal taħriġ bħalma għamlu dawk tal-Kulleġġ San Benedittu, iżda jaqtgħu qalbhom milli jippruvaw. Parti mir-raġuni hija minħabba li teżisti perċezzjoni li l-proċess biex tikseb fondi Ewropej huwa kkumplikat wisq.

Huwa propju għalhekk li l-MEUSAC toffri servizz bla ħlas u personalizzat lil skejjel, entitajiet mhux governattivi, kunsilli lokali, u entitajiet governattivi biex japplikaw b’suċċess għall-fondi kollha Ewropej. Il-MEUSAC tagħti informazzjoni dwar x’fondi huma disponibbli għall-entità konċernata, kif ukoll għajnuna fl-iżvilupp tal-proġett, u saħansitra anke fil-mili tal-formola tal-applikazzjoni nnifisha.

Il-MEUSAC torganizza wkoll diversi attivitajiet ta’ informazzjoni dwar fondi partikolari Ewropej. Sessjoni ta’ informazzjoni ta’ din ix-xorta għall-iskejjel se ssir onlajn fit-2 ta’ Diċembru. Matulha, il-parteċipanti jirċievu iktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi għall-iskejjel, u kif ukoll xi tibdiliet li jaf naraw permezz tal-Programm il-ġdid tal-Erasmus+ li jidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla. F’din is-sessjoni ser jitkellmu wkoll rappreżentatni minn żewġ skejjel li bbenefikaw mill-assistenza tal-MEUSAC sabiex applikaw b’suċċess għall-fondi, kif ukoll Is-Sa Rose-Anne Camilleri, li hija l-eTwinning Coordinator fi ħdan id-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali u Ħiliet Transversali fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Impjieg.

Dawk interessati li jattendu għal din is-sessjoni ta’ informazzjoni, jew jiksbu iżjed informazzjoni fuq fondi tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back