Il-MEUSAC issir Servizzi Ewropej f’Malta

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni ta’ SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 29.03.2021

Fil-25 ta’ Marzu tnediet uffiċjalment l-aġenzija tal-gvern bl-isem ‘Servizzi Ewropej f’Malta’ – SEM. Din l-aġenzija tat isem ġdid lill-MEUSAC  biex tfisser aħjar dak li tagħmel, jiġifieri li twessa’ s-servizzi li kienet tagħti l-MEUSAC biex iċ-ċittadini f’Malta u Għawdex jieħdu l-aħjar mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Għaldaqsatant, il-bidla fl-isem tal-MEUSAC għal Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta mhijiex  bidla kożmetika – hija bidla li ssaħħaħ is-servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna u tintroduċi oħrajn ġodda.

Servizzi Ewropej f’Malta tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet jaċċessaw servizzi b’rabta mal-Unjoni Ewropea billi tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għal dawk kollha li forsi ma jkunux jafu fejn u lil min se jikkuntattjaw meta jkollhom bżonn informazzjoni u assistenza.

Ir-rwol ewlieni ta’ din l-Aġenzija hu li tkompli ssaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini u l-korpi kostitwiti fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea, bħala l-aġenzija governattiva li tinforma, tinvolvi u tassisti liċ-ċittadini u organizzazzjonijiet f’diversi oqsma u kategoriji tas-soċjetà b’modi u metodi differenti.

L-aġenzija qiegħda ssaħħaħ l-operat tagħha biex kull min hu interessat ikun jista’ jikseb informazzjoni dwar politiki, liġijiet u inizjattivi tal-Unjoni Ewropea, u tassisti wkoll individwi li jkollhom xi mistoqsija, diffikultà jew xi lment dwar benefiċċji, opportunitajiet, drittijiet jew obbligi bħala ċittadini Ewropej, kemm jekk huma Maltin u kemm jekk huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jgħixu Malta.

Barra mill-informazzjoni, l-aġenzija SEM se taħdem biex tinvolvi aktar liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu jressqu l-fehma tagħhom dwar liġijiet u inizjattivi tal-Unjoni Ewropea li jkunu qegħdin jiġu proposti mill-Kummissjoni Ewropea, dwar kif dawn jolqtu lil pajjiżna jekk u kif dawn jiġu adottati u implimentati. Dan tagħmlu b’kollaborazzjoni sħiħa ma’ ministeri u awtoritajiet oħra tal-gvern skont l-oqsma partikolari li huma responsabbli għalihom.

Servizz ġdid li qegħdin noffru u li kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu huwa marbut mal-assistenza lil organizzazzjonijiet volontarji u kunsilli lokali japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti tagħhom. L-esperjenza f’dan il-qasam uriet li l-entitajiet li jkunu jridu japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea jqisu l-għajnuna biex japplikaw għall-proġetti b’fondi Ewropej, bħala mitqlu deheb. Dan is-servizz li issa ilu jingħata kważi tlettax-il sena, bla ħlas, hu mfaħħar ħafna għaliex jiffaċilta ħafna l-proċess biex wieħed japplika għall-fondi, minħabba li ħafna mill-organizzazzjonijiet megħjuna jkollhom riżorsi limitati, kemm fir-riżorsi umani u kemm dawk finanzjarji.

Issa, l-entitajiet li jkunu applikaw b’suċċess u kisbu fondi għall-proġetti tagħhom, se jiġu megħjuna wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Huma se jkunu ggwidati mill-uffiċjali ta’ SEM biex jimxu mar-regoli marbuta ma’ kif jintefqu l-flus li jkunu ġew allokati bi trasparenza u kontabbiltà, skont ir-raġunijiet u l-għanijiet għalfejn ikunu ngħataw il-fondi u biex jinkisbu r-riżultati li jkunu ġew imniżżla fl-applikazzjoni.

Mill-1 ta’ Mejju, l-aġenzija SEM ġiet magħżula mill-Kummissjoni Ewropea biex tmexxi wkoll Ċentru ta’ Informazzjoni msejjaħ Europe Direct li permezz tiegħu se jkollha aktar riżorsi biex twettaq il-ħidma tagħha. Il-vantaġġ ta’ dan iċ-Ċentru hu li jingħaqad ma’ ‘l fuq min 400 ċentru fl-Unjoni Ewropea kollha u għalhekk jiffaċilita aktar il-komunikazzjoni maċ-ċittadini.

Biex dawn is-servizzi kollha jkunu implimentati, l-aġenzija SEM għandha tim, li għalkemm mhux kbir hu mimli b’entużjażmu u dedikazzjoni biex jagħti servizz kemm jista’ jkun fil-pront u personalizzat lil kull min jeħtieġu.

L-aġenzija ‘Servizzi Ewropej f’Malta’ tista’ tintlaħaq permezz tat-telephone 2200 3300, bl-email info.sem@gov.mt, mill-website www.sem.gov.mt, jew facebook.com/servizziewropej.

« Back