Jinbidlu t-Tikketti tal-Enerġija fuq il-prodotti

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 01.03.2021

Wieħed mis-suċċessi tal-Unjoni Ewropea huwa l-introduzzjoni tat-tikketti fuq il-prodotti li jikkunsmaw l-enerġija bħall-apparat elettriku u elettroniku, li nużaw tista’ tgħid il-ħin kollu. Skont il-prodott li jkun, it-tikketta tal-enerġija turik il-grad ta’ kemm il-prodott huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija fuq skala minn A sa G, u informazzjoni oħra bħal kemm jaħli enerġija f’sena, kemm jesa’, u l-ħoss li jagħmel.

Introdotti fl-1994, it-tikketti tal-enerġija għenu ħafna lill-konsumaturi billi servew ta’ gwida biex jagħżlu prodotti li jaħlu inqas. Minn stħarriġ li kien sar mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019, instab li 93% tal-konsumaturi jafu bit-tikketti fuq il-prodotti u 79% jagħtu kashom meta jkunu se jixtru xi prodott ġdid tal-elettriku.

Minn meta daħlet il-prattika, il-manifatturi dejjem baqgħu jipperfezzjonaw il-prodotti tagħhom u jagħmluhom dejjem aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Għaldaqstant, waqt li fil-bidu, l-iskala mmarkata fuq it-tikketti kienet minn A sa G, bdew jidħlu żviluppi fuq l-ogħla grad (A) u għalhekk iddaħħlu l-gradi A+, A++ u saħansitra A+++. B’hekk bdew jinqatgħu il-gradi t’isfel (E,F,G), anki minħabba li n-nies ma tantx baqgħu jixtruhom.

Għaldaqstant inħass il-bżonn li t-tikketti tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea jiġu riveduti biex jerġgħu jsiru sempliċi bħalma kienu fil-bidu. Dan sar permezz ta’ reviżjoni fil-liġi Ewropea permezz tar-Regolament (UE) 2017/1369 li daħħal klassifikazzjoni eħfef li tuża biss l-ittri minn A sa G. Ir-Regolament stabbilixxa wkoll li l-ogħla gradi A, B u C jintużaw anqas, biex ikun hemm lok għal perfezzjonament tal-prodotti matul is-snin li ġejjin. Allura, issa tista’ tibda ssib prodotti li qabel kienu A+++ u li issa se jkunu C. Dan ma jfissirx li l-prodott m’għadux effiċjenti daqs qabel imma sempliċiment inbidlitlu l-kategorija.

Dawn ir-regolamenti ħodda tal-Unjoni Ewroea daħlu fis-seħħ mil-lum, l-1 ta’ Marzu.  Il-bejjiegħa għandhom 14-il ġurnata ta’ xogħol, sat-18 ta’ Marzu biex jibdlu t-tikketti tal-prodotti li għandhom, ħlief għal xi prodotti li m’għadhomx jiġu manifatturati u li allura tista’ ma tinbidlilhomx it-tikketta.

L-ewwel li se jinbidlu huma t-tikketti fuq: il-magni tal-ħasil u magni li jnixxfu (domestiċi u kummerċjali); dishwashers domestiċi; fridges u freezers inklużi dawk għall-inbid; u pannelli elettroniċi inklużi televisions. It-tikketti fuq prodotti oħrajn jinbidlu aktar tard. It-tikketti fuq il-bozoz u l-lampi se jinbidlu mill-1 ta’ Settembru.

Fihom infushom, dawn it-tibdiliet m’għandhomx ikunu biss bidla kożmetika fit-tikketti fuq il-prodotti li nixtru, imma għandhom jinkoraġġuna nagħmlu għażliet aħjar fejn jidħol il-konsum tal-enerġija, kemm l-elettriku u anke l-ilma. Bi ftit sforz, nistgħu nnaqqsu l-konsum ta’ kuljum tagħna u nkunu qegħdin nikkontribwixxu għal enerġija iktar nadifa u effiċjenti u li tħalli inqas impatt fuq ir-riżorsi naturali u tal-ambjent.

Għal iktar informazzjoni tista’ tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea ‘Your Europe’ u tfittex ‘Energy Labels’.

Tista’ wkoll tikkuntattja lill-MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt jew 2200 3300 jew lil Europe Direct Valletta fuq edicvalletta.meusac@gov.mt jew 22003316.

« Back