Opportunità ta’ Fondi Ewropej għal Proġetti f’Żoni Urbani

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 15.03.2021

Għadd ta’ lokalitajiet urbani f’Malta jiffaċċjaw sfidi partikolari b’rabta mar-riskju tal-faqar, persuni fil-prekarjat jew f’riskju ta’ prekarjat, kif ukoll persuni vulnerabbli bħall-anzjani. Dawn il-lokalitajiet urbani, spiss ikollhom nuqqas ta’ infrastruttura għall-inklużjoni ta’ nies vulnerabbli bħal ċentri ta’ matul il-jum jew ċentri attrezzati biex jittellgħu attivitajiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali.

Bħalissa, kunsilli lokali f’żoni urbani jistgħu japplikaw għal fondi Ewropej biex iwettqu proġetti ta’ dan it-tip. Skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, il-gvernijiet ta’ dawn it-tliet pajjiżi jikkontribwixxu ekonomikament għall-progress soċjali u ekonomiku f’diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fosthom Malta. Dan isir fost l-oħrajn permezz tal-programm ta’ fondi ‘EEA and Norway Grants’.

Fil-25 ta’ Frar infetħet it-tieni sejħa tal-Iskema ta’ Għotjiet Żgħar għal Komunitajiet Urbani, waħda mill-opportunitajiet ta’ fondi miftuħa għal entitajiet Maltin taħt l-EEA and Norway Grants. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li tiffinanzja proġetti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar kif ukoll għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-titjib tal-ħajja ta’ residenti f’żoni urbani. Għaldaqstant proġetti proposti taħt din l-iskema għandom jimmiraw li jgħinu gruppi fil-komunità li jiffaċċjaw sfidi soċjali, bħall-anzjani, nies f’riskju jew li huma diġà vittmi ta’ prekarjat, refuġjati u persuni b’diżabilità.

L-Iskema hija miftuħa għal kunsilli lokali f’lokalitajiet urbani fosthom Bormla, il-Furjana, il-Gżira, il-Ħamrun, l-Imsida, il-Marsa, Pembroke, Raħal Ġdid, San Ġiljan, u Santa Venera. Kunsilli lokali minn dawn il-lokalitajiet jistgħu wkoll jingħaqdu fi sħubija u jipproponu proġetti konġunti. Proġetti li jsiru bi sħubija bejn żewġ kunsilli lokali jew aktar, ikollhom aktar ċans jakkwistaw minn dawn il-fondi. Eżempji ta’ attivitajiet eliġibbli taħt l-iskema jinkludu xogħlijiet infrastrutturali (bħal kostruzzjoni u renovazzjoni) u xiri ta’ tagħmir bħal computers, printers u sistemi ta’ CCTV. Huma eliġibbli wkoll spejjeż professjonali bħal ħlas ta’ għalliema li jagħtu korsijiet ta’ tagħlim.

L-applikanti għandhom jissottomettu proposti għal proġetti li ma jdumux ma jitlestew iktar minn sena. Għaldaqstant, l-ideat tal-proġetti jridu jkunu realistiċi u jkunu jistgħu jitwettqu f’dan iż-żmien. Importanti wkoll illi l-applikanti jkunu ċerti li jistgħu jkomplu l-attivitajiet u jiżguraw is-sostenibbiltà tal-investiment ta’ fondi għal mhux anqas minn ħames snin wara li jispiċċaw il-proġett. Ladarba l-ispejjeż eliġibbli taħt l-iskema huma biss għal waqt it-tul tal-proġett, l-applikanti għandhom jiżguraw li għandhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jiggarantixxu din is-sostenibbiltà.

Sabiex proġett ikun eliġibbli, it-talba ta’ fondi trid tkun bejn €25,000 u €100,000. Dan l-ammont jeskludi l-VAT ladarba mhuwiex meqjus spiża eliġibbli taħt is-sejħa. Jekk ikun hemm żewġ kunsilli li jippropronu proġett konġunt, l-ammont massimu tat-talba jista’ jitla’ sa €200,000, eskluż il-VAT. Dawk il-proġetti li jiġu magħżula jingħataw 85% tal-ispejjeż eliġibbli.

L-ewwel sejħa taħt din l-iskema kienet fetħet fl-2019 b’allokazzjoni ta’ €1 miljun. Il-kunsilli lokali li bbenefikaw taħt din l-ewwel sejħa bl-assistenza tal-MEUSAC kienu dawk tal-Furjana, Ħal Tarxien u Santa Venera. Bħala eżempju, il-proġett tal-Kunsill tal-Furjana kien maħsub biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani fil-lokalità permezz ta’ ċentru għall-anzjani fi ħdan il-kwartieri tal-istess Kunsill. Iċ-Ċentru ġie propost bil-għan li jittellgħu attivitajiet li jżommu lill-anzjani attivi fil-komunità kif ukoll li jiġu offruti korsijiet li jtejbu l-ħiliet tagħhom u joffru opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.

L-applikazzjonijiet għat-tieni sejħa taħt din l-iskema li hi miftuħa bħalissa jridu jiġu sottomessi lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2021 f’nofsinhar. L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu permezz tal-posta elettronika.

Il-MEUSAC tista’ tassisti kunsilli lokali interessati li jiżviluppaw il-proġetti tagħhom, tgħinhom jimlew l-applikazzjoni neċessarja u jippreparaw id-dokumentazzjoni rikjesta mis-sejħa.

Għal aktar tagħrif dwar din l-iskema u l-assistenza li toffri l-MEUSAC, tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.meusac@gov.mt.

« Back