Għid tiegħek dwar il-Futur tal-Ewropa: Pjattaforma Diġitali tniedi inizjattiva ta’ sena madwar l-UE

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach – SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 26.04.2021

Permezz ta’ Pjattaforma Diġitali f’24 lingwa, inkluż il-Malti, ċittadini madwar l-Ewropa jistgħu jressqu l-veduti tagħhom fuq xi suġġett li jqisu li hu importanti għall-futur tal-Unjoni Ewropea.

Din hija inizjattiva ta’ sena madwar l-Ewropa kollha msejħa, Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u hija mbuttata mit-tliet istituzzjonijiet tal-UE flimkien – il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-UE.

Għall-ewwel darba fuq livell Ewropew, dan l-eżerċizzju jagħti l-possibiltà liċ-ċittadini jressqu l-ideat tagħhom, jikkummentaw fuq ideat ta’ oħrajn, u joħolqu jew jieħdu sehem f’attivitajiet organizzati, kemm f’Malta u kemm f’pajjiżi oħra.

Il-pjattaforma se tiżgura trasparenza sħiħa – li huwa prinċipju ewlieni tal-Konferenza – hekk kif is-sottomissjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jinġabru, jiġu analizzati, segwiti u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Il-Pjattaforma se tkun il-punt ċentrali tal-Konferenza, fejn il-kontribuzzjonijiet se jinġabru u jiġu diskussi f’fora plenarji li huma l-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u l-Plenarji tal-Konferenza.

Il-Pjattaforma hija organizzata madwar suġġetti ewlenin: it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; ekonomija aktar b’saħħitha u aktar ġusta; il-ġustizzja soċjali u l-impjiegi; l-UE fid-dinja; il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà; it-trasformazzjoni diġitali; id-demokrazija Ewropea; il-migrazzjoni; u l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport.

Min jista’ jieħu sehem?
Kull min jixtieq – ċittadini Ewropej, minn kull qasam u kull naħa tal-Unjoni Ewropea, biż-żgħażagħ ikollhom rwol ċentrali fit-tfassil tal-futur tal-proġett Ewropew.

Awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u oħrajn, jistgħu jorganizzaw attivitajiet u jikkontribwixxu bl-ideat tagħhom.

Għadd ta’ nies kbir kemm jista’ jkun u minn oqsma differenti tal-ħajja huma mħeġġa jikkontribwixxu permezz tal-Pjattaforma biex isawru l-futur tagħhom, iżda wkoll biex jippromwovuha fuq il-mezzi tal-media soċjali, bil-hashtag #IlFuturTiegħek.

Dawk li jieħdu sehem għandhom jiirrispettaw il-valuri stabbiliti fiċ-Ċharter tal-Konferenza li jinsab fil-pjattaforma diġitali.

Kif tieħu sehem?
Billi taċċessa l-Pjattaforma Diġitali bl-indirizz elettroniku – futureu.europa.eu. Hemm tista’ tagħżel il-lingwa li tixtieq u tidħol fis-sit biex tara kif inhu mqassam u x’tista’ tagħmel.

Biex tikkontribwixxi trid tilloggja permezz tas-sistema EU Login, li tivverifika l-identità tiegħek u tħallik tagħżel il-preferenzi personali tiegħek u d-drittijiet ta’ aċċess b’mod sigur.

Jekk mhux diġà għandek kont tal-EU Login, idħol fil-paġna https://webgate.ec.europa.eu/cas/login u agħfas ‘Create an account’ fil-paġna ewlenija. Imbagħad segwi l-istruzzjonijiet biex jinħoloqlok kont għalik.

Meta jkollok l-aċċess għall-pjattaforma, agħżel mil-lista wiesgħa ta’ suġġetti li jinteressawk. Jekk ma ssibx kategorija li tixtieq, aqsam l-opinjoni tiegħek fil-kategorija ‘Ideat Oħra’.

Waqt li tkun f’xi kategorija partikolari, tista’ taqra l-introduzzjoni u tidħol f’ħoloq speċifiċi. Fis-sezzjoni ‘Ideat’ tista’ taqsam l-ideat tiegħek u ssib ideat ta’ oħrajn, li tista’ tikkummenta dwarhom jew tivvota għalihom biex isibuhom aktar nies.

L-ideat tiegħek jiġu miġbura, analizzati, u ppubblikati fil-pjattaforma. Dawn jidħlu fid-diskussjonijiet li jkunu qed isiru fil-panels taċ-ċittadini u l-plenarji tal-Konferenza. Permezz ta’ mekkaniżmu apposta, l-ideat li joħorġu mill-Konferenza jissarrfu f’rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni.

L-eżitu aħħari tal-Konferenza jiġi ppreżentat f’rapport li minnu t-tliet istituzzjonijiet imbagħad jeżaminaw l-aħjar mod kif jimxu fuq ir-rapport b’mod effettiv, skont il-kompetenzi tagħhom u skont it-Trattati.

Teħtieġ nassistuk?
L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, flimkien ma’ entitajiet oħrajn se tkun qiegħda tippromwovi l-Konferenza f’Malta u tassisti individwi u organizzazzjonijiet biex jużaw il-pjattaforma diġitali multilingwi, jew biex jorganizzaw attivitajiet u jmexxu ‘l quddiem l-ideat u l-inizjattivi tagħhom.

Jekk tixtieq aktar tagħrif jew assistenza tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300, info.sem@gov.mt jew il-paġna ta’ facebook – servizziewropej.

« Back