Fondi Ewropej biex nitgħallmu mill-istorja Ewropea

Artiklu miktub minn Rebecca Zammit, Uffiċjal ta’ Servizzi Ewropej f’Malta – SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 24.05.2021

L-Unjoni Ewropea (UE) hija msejsa fuq valuri fundamentali bħal-libertà, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar insiru konxji tal-importanza ta’ dawn il-prinċipji u nrawmuhom għall-futur.

Il-programm il-ġdid ta’ fondi tal-UE dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, huwa strument importanti ferm għall-involviment ċiviku, l-ugwaljanza, u l-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-valuri Ewropej. Għaldaqstant, taħt dan il-programm, entitajiet bħal kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi jistgħu jibbenefikaw minn fondi biex jimplimentaw proġetti li jikkommemoraw aspetti mill-istorja Ewropea.

Attivitajiet bħal dawn huma neċessarji biex iċ-ċittadini, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, ikunu konxji li l-ġrajjiet tal-passat u l-valuri komuni tagħhom huma l-pedament għal futur komuni.

Proġetti ta’ kommemorazzjoni Ewropea jistgħu jinvolvu taħriġ, pubblikazzjonijiet, riċerka, wirjiet, il-ħolqien u l-użu ta’ għodda diġitali onlajn, dibattiti pubbliċi, seminars, konferenzi, produzzjoni u wiri ta’ films jew dokumentarji, u attivitajiet oħra kreattivi u innovattivi. L-attivitajiet jistgħu jkunu fiżiċi jew onlajn.

Sabiex ikunu eliġibbli għall-fondi, il-proġetti proposti għandhom jindirizzaw il-prijoritajiet identifikati fil-Programm għas-sejħa ta’ din is-sena. Il-proġett jista’ jiffoka jew fuq waħda minn dawn il-prijoritajiet jew fuq it-tnejn li huma.

L-ewwel prijorità tiffoka fuq il-kommemorazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni fuq ir-reati li seħħew taħt reġimi totalitarji. Il-kommemorazzjoni u t-tagħlim dwar ġenoċidji u reati kontra l-umanità, bħall-Olokawst, kif ukoll li nżommu ħajja l-memorji ta’ dawk li għexu f’dawk iż-żminijiet, huma essenzjali għat-tfassil ta’ futur komuni Ewropew. Għaldaqstant, proġetti imfasslin taħt din l-ewwel prijorità għandhom: (i) iħarsu b’mod partikolari lejn il-kawżi, il-konsegwenzi u d-dimensjoni Ewropea u transnazzjonali tal-Olokawst, speċjalment fil-kuntest ta’ ċaħdiet tal-Olokawst bħala fatt storiku; u/jew (ii) jittrasformaw riċerka, siti jew monumenti ta’ kommemorazzjoni, jew testimonjanzi fi strumenti edukattivi għas-soċjetà, b’mod speċjali għal dawk li permezz tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà jistgħu jxerrdu l-messaġġ (bħal politiċi u mexxejja tas-soċjetà ċivili); u/jew (iii) jindirizzaw l-isfidi kkaġunati miċ-ċaħda tal-Olokawst bħala fatt li seħħ veru.

It-tieni prijorità tħares lejn ir-reżistenza mill-okkupazzjoni u reġimi totalitarji, lejn il-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika, u t-tisħiħ tad-demokrazija fl-Ewropa. Hu importanti li nfakkru u nedukaw fuq episodji fl-istorja fejn in-nies qamu kontra t-tirannija u t-totalitarjaniżmu, għaliex fihom insibu eżempji għas-soċjetà tal-lum u ta’ għada biex aħna wkoll niddefendu d-drittijiet fundamentali tagħna. Proġetti mfasslin taħt din il-prijorità għandhom: (i) janalizzaw u jenfasizzaw ir-reżistenza u l-oppożizzjoni organizzata; u/jew (ii) il-proċess ta’ tranżizzjoni għal sistema demokratika (inkluż tentattivi sabiex il-vittmi jingħataw ġustizzja); u/jew (iii) jiffukaw fuq kif il-proċess tas-sħubija fl-UE influwenza l-iżvilupp demokratiku. Waqt li jħarsu lejn it-tkabbir tal-proġett Ewropew fil-passat, proġetti jistgħu joħolqu diskussjoni fuq it-tkabbir futur, anka f’ kuntest ta’ tipi differenti ta’ sħubija ma’ pajjiżi tal-viċinat.

Il-proġetti taħt din is-sejħa għandhom jinvolvu minn tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet differenti, u tingħata preferenza lil proġetti transnazzjonali – jiġifieri dawk li jinvolvu organizzazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi differenti.

Proġetti jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotja ta’ somma ta’ flus ikkalkulata skont in-numru ta’ parteċipanti diretti u n-numru ta’ pajjiżi involuti fil-proġett. Pereżempju, proġett li jinkludi organizzazzjonijiet ġejjin minn tliet pajjiżi u li jinvolvi bejn 25 u 50 parteċipant huwa eliġibbli għal €13,215.

Proġetti taħt din is-sejħa għandhom jiġu sottomessi sat-22 ta’ Ġunju 2021.

L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) toffri servizz bla ħlas u personalizzat lil entitajiet lokali biex japplikaw b’suċċess għall-fondi kollha Ewropej. SEM tagħti informazzjoni dwar x’fondi huma disponibbli għall-entità konċernata, tgħin fl-iżvilupp tal-proġett, u fil-mili tal-formola tal-applikazzjoni nnifisha. L-assistenza tkompli wkoll waqt l-implimentattzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar din is-sejħa jew opportunitajiet oħra ta’ fondi Ewropej tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt.

« Back