Jitnieda terminu ġdid taċ-ċentru Europe Direct Valletta

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela u l-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon, fil-preżenza tal-Kap tal-Komunikazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Brian Buhagiar, nidew terminu ġdid taċ-ċentru Europe Direct Valletta.

Iċ-ċentri Europe Direct huma kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea biex iservu ta’ għodda li twassal l-informazzjoni u tassisti liċ-ċittadini Ewropej f’materji relatati mal-Unjoni Ewropea. F’Malta, minbarra Europe Direct Valletta, insibu żewġ ċentri oħra, wieħed immexxi mill-organizzazzjoni CORE u l-ieħor f’Għawdex, immexxi mill-Gozo Business Chamber. B’kollox, fl-Unjoni Ewropea nsibu 424 ċentru Europe Direct.

L-Aġenzija SEM applikat b’suċċess mal-Kummissjoni Ewropea biex tmexxi ċentru ta’ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea għall-perjodu Mejju 2021 – Diċembru 2025, wara esperjenza pożittiva ta’ tmexxija tal-istess ċentru mill-2018 ‘l hawn. F’dawn it-tliet snin, Europe Direct ta valur miżjud lill-ħidma tal-aġenzija SEM biex twassal l-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, il-liġijiet u l-programmi ta’ fondi tagħha, u tassisti fejn jidħlu drittijiet u obbligi, benefiċċji u opportunitajiet, fosthom il-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Fid-diskors tagħha, il-Kap ta’ SEM, Mandy Falzon qalet li fl-aħħar tliet snin, Europe Direct Valletta wessa’ n-network tal-aġenzija SEM ma’ ċentri oħra madwar l-Ewropa, b’opportunitajiet ġodda fi qsim ta’ ideat, ħidma, koperazzjoni u kordinament. Hija elenkat xi eżempji ta’ din il-ħidma fl-aħħar tliet snin, fosthom b’attivitajet pubbliċi, dibattiti, pubblikazzjonijiet, sessjonijiet għat-tfal, taħriġ lill-organizzazzjonijiet biex japplikaw għall-fondi, u assistenza f’mistoqsijiet u diffikultajiet marbuta mal-Unjoni Ewropea.

Għal SEM, iċ-ċentru Europe Direct Valletta jffisser ukoll li jkompli jinfetħu l-bibien għal aktar koperazzjoni ma’ entitajiet oħra li joffru servizzi relatati mal-Unjoni Ewropea. “Permezz ta’ koperazzjoni ma’ entitajiet oħra, se nkomplu naħdmu biex ikun hawn aktar koperazzjoni bejn l-istakeholders sabiex inkomplu noffru l-aħjar servizzi liċ-ċittadini u naħdmu f’katina waħda biex inkomplu nkunu punt ta’ riferiment għaċ-ċittadini tagħna. Nixtieq insemmi b’mod partikolari l-koperazzjoni sħiħa u mill-qrib mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Inħoss li l-ħidma tagħna flimkien, li ħafna drabi tilħaq l-istess għanijiet, tissarraf biex nuru li għalkemm aħna entitajiet differenti, naħdmu għall-istess għanijiet u nilħqu l-udjenzi.”

Il-Ministru Carmelo Abela, fid-diskors tiegħu, tkellem dwar il-benefiċċji ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li fl-1 ta’ Mejju ċċelebrajna s-17-il sena anniversarju, imma li jiddependi minna kemm nisfruttaw l-opportunitajiet li tagħtina din is-sħubija. Huwa qal ukoll li permezz ta’ Europe Direct Valletta, il-gvern qiegħed ikompli jsaħħaħ l-aġenzija SEM, biex bl-għajnuna tal-fondi mill-Kummissjoni Ewropea inkomplu nieħdu l-aħjar mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali billi nwessgħu l-għarfien dwar din l-Unjoni li aħna ċittadini tagħha, u li jkollna għodda siewja li jservu ta’ punt ta’ riferiment fejn jidħlu s-servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea.

« Back