Jum l-Ewropa 2021

Biex infakkru Jum l-Ewropa, li jkun iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, l-aġenzija SEM u Europe Direct Valletta din is-sena tellajna stallazzjoni grafika fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta. L-istallazzjoni tikkonsisti f’żewġ strutturi b’messaġġi marbutin mat-tema, ‘L-Unjoni Ewropea magħquda kontra l-COVID-19’. Il-messaġġi juru l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għall-irkupru tal-ekonomiji, l-impjiegi, is-saħħa pubblika, l-ivvjaġġar, u r-riċerka u t-trattament tal-coronavirus. Il-motto ta’ Jum l-Ewropa, ‘Magħqudin fid-Diversità’ din is-sena joħroġ aktar b’saħħtu minħabba li l-pandemija wrietna li quddiem sfidi globali, is-soluzzjoni hija l-għaqda u s-solidarjetà.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Elena Grech u l-Kap tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, Mario Sammut, tkellmu dwar l-aspetti marbutin ma’ Jum l-Ewropa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon tkellmet dwar Jum l-Ewropa, bħala jum li ma jiġix biss biex immorru lura 71 sena, meta l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż ta’ dak iż-żmien ħareġ b’soluzzjoni għal Ewropa magħquda. Jum l-Ewropa jfakkarna x’fisser matul is-snin il-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea li ħareġ bih Schuman – proġett li nbidel ħafna minn kif twieled, imma li l-idea warajh tibqa’ tgħodd illum iktar minn qatt qabel.

L-Aġenzija SEM, kif ukoll permezz taċ-Ċentru Europe Direct, nibqgħu kommessi li nkunu punt ta’ kuntatt għaċ-ċittadini dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea. Dan kien li wassalna biex fl-aħħar ġimgħat inġeddu u nsaħħu l-funzjonijiet tal-Aġenzija, bil-ħidma tkun ibbażata fuq tliet pilastri: l-Informazzjoni, l-Involviment u s-Support.

Din il-]idma, b’mod aktar prattiku, titwettaq bit-twssil tal-informazzjoni aġġornata dwar dak kollu li qed jiġri fl-Unjoni Ewropea u kif tista’ taffettwa liċ-ċittadini, organizzazzjonijiet jew intrapriżi permezz ta’ mezzi differenti fosthom il-media soċjali, laqgħat ta’ informazzjoni u publikazzjonijiet. “Ta’ kuljum, ninfurmaw lill-organizzazzjonijiet dwar opportunitajiet li joffru madwar 30 progamm ta’ fondi Ewropej differenti. Nemmnu ukoll dwar l-importanza li n-nies ikunu parti mid-diskussjonijiet minn tfal sa kbar. Nagħmlu dan permezz ta’ laqgħat u djalogi pubbliċi, sessjonijiet mat-tfal u permezz ta’ djalogu kontinwu mal-korpi kostitwiti.

L-Aġenzija toffri wkoll sapport permezz tal-assistenza biex organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jaċċessaw fondi tal-Unjoni Ewropea, kemm fil-proċess tal-applikazzjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Din tibqa’ il-missjoni tagħna li nagħtu servizz ta’ eċċellenza liċ-ċittadini għax nemmnu li pajjiżna għandu jkompli jgawdi mill-opportunitajiet u benefiċċji li ġabet magħha s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fid-9 ta’ Mejju, f’Jum l-Ewropa, se titnieda uffiċjalment il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li hija inizjattiva li se tkun għaddejja mal-Ewropa kollha sa April 2022, biex ċittadini minn kull settur u ta’ kull età jgħidu tagħhom dwar kif jixtiequ l-Ewropa tal-futur. SEM u Europe Direct Valletta flimkien ma’ entitajiet oħra se jagħtu s-sehem tagħhom ukoll biex il-Konferenza tiġi promossa f’Malta. Individwi u organizzazzjonijiet jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet li se jkunu qegħdin isiru, imma jistgħu jgħidu tagħhom b’mod partikolari permezz ta’ Pjattaforma Diġitali Multilingwi.

Idħol hawn sabiex taqra iktar dwar il-konferenza tal-aħbarijiet u ssegwi l-filmat.

« Back