Nagħtu sehemna għall-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, Servizzi Ewropej f’Malta – SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 10.05.2021

Ilbieraħ, id-9 ta’ Mejju, iċċelebrajna Jum l-Ewropa. Kull sena f’dan il-jum infakkru l-ġurnata meta fl-1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman kien għamel dikjarazzjoni li ħafna jqisuha l-bidu ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea. F’din id-dikjarazzjoni, Schuman stieden lil Franza, lill-Ġermanja u pajjiżi oħra jingħaqdu f’Istituzzjoni Ewropea li tkun ’il fuq minn kull pajjiż individwali msieħeb fiha u li tieħu ħsieb l-industrija tal-faħam u l-azzar li fil-fatt kienu l-bażi ta’ kull qawwa militari. Dawk il-pajjiżi li Schuman kien qiegħed jirreferi għalihom kienu għadhom kif kważi kissru għalkollox lil xulxin fil-gwerra. Il-proposta tiegħu għall-għaqda u l-koperazzjoni kellha tkun is-soluzzjoni għal iktar stabbiltà u paċi fl-Ewropa.

L-isfida li daħlu għaliha l-pajjiżi fundaturi ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea ma kinitx l-ewwel waħda fl-istorja tagħha. Matul is-snin ġew sfidi ġodda ta’ natura differenti, li nistgħu ngħidu li s-soluzzjoni għalihom kienet dejjem waħda, is-solidarjetà. Biżżejjed insemmu l-pandemija tal-COVID-19, li minkejja d-diffikultajiet, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għarfu jaħdmu flimkien ħalli l-Ewropa tirkupra u tħares ‘il quddiem għal ġejjieni aħjar. Għaldaqstant, il-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea huwa proċess kontinwu u dejjem jiżviluppa. Fl-aħħar snin, pereżempju, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għarfu li għandhom ipoġġu aktar fiċ-ċentru liċ-ċittadini u mhux l-istituzzjonijiet infushom.

F’dan il-kuntest ilbieraħ tnieda uffiċjalment eżerċizzju importanti madwar l-Ewropa kollha, li l-għan tiegħu huwa li jagħti l-opportunità lill-Ewropej jagħtu l-veduti tagħhom dwar kif jixtiequ l-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni.

Ilbieraħ, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea nidew flimkien il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li hija eżerċizzju ta’ sena li fih kull min jixtieq jista’ jsemma’ leħnu dwar it-triq ‘il quddiem għall-Ewropa, f’oqsma bħall-ekonomija, is-saħħa, l-edukazzjoni, id-demokrazija u ħafna oħrajn.

B’differenza minn inizjattivi oħra li saru fil-passat, din id-darba, sar sforz biex il-pjanijiet għas-snin li ġejjin jieħdu kont ta’ dak li jaħsbu u jixtiequ ċ-ċittadini Ewropej infushom.

X’se jkun qiegħed jiġri eżattament din is-sena? Kif jista’ wieħed jikkontribwixxi? L-iktar mod faċli biex wieħed jagħti sehmu f’dan l-eżerċizzju hu billi juża Pjattaforma Diġitali multilingwi li tnediet ħmistax ilu bl-indirizz elettroniku www.futureu.europa.eu. Meta wieħed jidħol f’dan is-sit, jista’ jara u jaqra, anki bil-Malti, dwar suġġetti differenti u xi rwol għandu jkollha fihom l-Unjoni Ewropea fil-futur. Wieħed jista’ jara wkoll x’qegħdin jgħidu Ewropej oħra dwar is-suġġett, waqt li jista’ jkun interessat li jieħu sehem f’diskussjonijiet li jkunu qegħdin isiru. Jekk wieħed ikun jixtieq jikkontribwixxi jrid jilloggja billi jirreġistra fis-sistema tal-Kummissjoni Ewropea mis-sit stess, wara li jkun qara ċ-Charter tal-Konferenza li jinsab ukoll fil-pjattaforma.

Matul is-sena se jkunu qegħdin isiru wkoll attivitajiet nazzjonali li jiddiskutu suġġetti varji marbuta mal-futur tal-Unjoni Ewropea. Dawn se jkunu qegħdin isiru minna bħala SEM b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, inkluż ir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew f’Malta.

X’jiġri b’dak li jkun qed jingħad? Matul is-sena, fuq livell Ewropew se jkunu qegħdin isiru laqgħat u konferenzi li jiġbru veduti komuni u jinġibdu konklużjonijiet u xejriet li jittieħdu bħala rapport finali ta’ rakkomandazzjonijiet għat-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea.

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropea hija opportunità għal kull wieħed u waħda minna, individwi u organizzazzjonijiet, li nagħtu s-sehem tagħna, żgħir kemm hu żgħir, biex il-futur tal-Unjoni Ewropea jkun ta’ benefiċċju kemm għalina u kemm għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Għal aktar informazzjoni u assistenza ikkuntattja lil SEM – Servizzi Ewropej f’Malta, fuq 2200 3300, info.sem@gov.mt jew www.sem.gov.mt.

« Back