II-Coronavirus, l-Isport, u l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach ta’ Servizzi Ewropej f’Malta – SEM
Ippubblikat fil-magażin Sportiv – 26.06.2021

Il-pandemija ħarbtet lid-dinja sportiva daqskemm ħarbtet lill-individwi, lis-soċjetajiet u l-ekonomiji. Minkejja li pajjiżi differenti kellhom impatt differenti u rreaġixxew b’modi differenti għall-pandemija, kullimkien b’xi mod jew ieħor, nistgħu ngħidu li tħarbtu l-avvenimenti sportivi u l-kompetizzjonijiet f’kull livell, inkluż il-postponiment tal-logħob Olimpiku u l-kampjonati tal-football fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Il-Kummissjoni Ewropea, f’Novembru tas-sena l-oħra kkummissjonat studju intitolat, ‘Mapping Study on measuring the economic impact of COVID-19 on the sport sector in the EU’, li stħarreġ l-effetti tal-pandemija fuq il-qasam tal-isport. Mir-rapport ta’ dan l-istudju ħareġ li fl-Unjoni Ewropea ntilfu mas-€57 miljun fil-prodott domestiku gross u ġew affettwati ‘l fuq minn madwar miljun impjieg relatati mal-isport, mhux biss f’livell professjonali, imma wkoll għal dawk li jipprovdu servizzi relatati, bħall-apparat sportiv, il-faċilitajiet sportivi, l-ivvjaġġar, it-turiżmu, it-trasport u l-media, fost l-oħrajn. L-iktar impatt li nħass kien marbut mas-servizzi sportivi (klabbs u faċilitajiet) u l-ivvjaġġar, inkluż l-akkomodazzjoni.

Minn studju li sar is-sena l-oħra mis-servizz ta’ riċerka tal-Parlament Ewropew mal-kumitati nazzjonali Olimpiċi fl-Ewropa, ħareġ li iktar minn 93% kellhom inaqqsu l-attivitajiet tagħhom u l-atleti ma setgħux jużaw il-faċilitajiet tagħhom. Waqt li klabbs sportivi kbar setgħu jkampaw mat-telf finanzjarju, l-organizzazzjonijiet mhux professjonali, li jiddependu mill-volontarjat u mid-dħul mill-fundraising, sabu diffikultajiet kbar biex ikampaw.

Waqt li l-UE ħadet ħafna miżuri biex tirreaġixxi għall-effetti negattivi tal-pandemija, b’mod partikolari biex tnaqqas l-imxija u jinstabu l-vaċċini u biex tgħin il-pajjiżi jiffaċċjaw l-impatti fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija, l-UE hi limitata fil-kompetenzi tagħha direttament fil-qasam tal-isport. Min-naħa l-oħra, ħafna mill-inizjattivi li ttieħdu, setgħu indirettament jgħinu, bħalma kienet l-inizjattiva SURE – strument ta’ għajnuna finanzjarja biljunarja lill-Istati Membri biex jipproteġu l-impjiegi u l-ħaddiema affettwati mill-pandemija.

Kif id-dinja tibda tirkupra, ikun essensjali li jiġu indirizzati u żgurati s-sigurtà tal-attivitajiet sportivi fuq kull livell u kif ukoll is-sikurezza tal-atleti u l-organizzazzjonijiet sportivi. Hawn tidħol ir-responsabbiltà ta’ kulħadd biex nassiguraw dawn iż-żewġ elementi importanti, waqt li l-isport organizzat jerġa’ jaqbad ir-ritmu għall-ġid ta’ kulħadd.

Wara kollox, l-isport huwa kruċjali f’ħajjitna, mhux biss għas-saħħa individwali, imma wkoll biex jibni soċjetà b’saħħitha. Meta ngħidu soċjetà b’saħħitha ma nifhmux biss is-saħħa fiżika u mentali, imma s-saħħa ta’ komunitajiet li jaħdmu kontra r-razziżmu, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi. L-UE tenfasizza ħafna dawn l-elementi, b’mod speċjali permezz tal-isport li jilgħab parti importanti ħafna f’dan ir-rigward. Infatti, madwar l-UE u anki f’Malta saru diversi proġetti bil-fondi tal-UE f’dawn l-oqsma.

L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), magħrufa qabel bħala MEUSAC, tista’ tgħin għaqdiet sportivi biex jiksbu informazzjoni dwar fondi Ewropej u japplikaw għalihom bi proġetti kompetittivi. Tingħata għajnuna bla ħlas, kemm biex jiġi żviluppat il-proġett u kif ukoll biex timtela l-applikazzjoni neċessarja u jinġabru d-dokumenti rikjesti mis-sejħa partikolari. Apparti dan, l-Aġenzija SEM issa tista’ tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti. B’hekk, qed jiġi offrut servizz ħolistiku li permezz tiegħu entitajiet sportivi jistgħu jingħataw l-informazzjoni neċessarja, u kif ukoll l-għajnuna li hemm bżonn, kemm biex japplikaw għall-fondi u kemm biex jimplimentaw il-proġett.

Dawk interessati jkunu jafu aktar jistgħu jikkuntattjaw lil SEM bit-telephone 2200 3300 jew bl-email info.sem@gov.mt. Għandna wkoll il-paġna ta’ Facebook, facebook.com/servizziewropej, u l-website www.sem.gov.mt.

« Back