Diskussjoni Pubblika: Investiment fin-nies għal soċjetà ġusta

25 November 2020

Ewropa b’saħħitha tiddependi fuq ekonomija reżiljenti, ibbażata fuq l-ekonomija soċjali tas-suq fejn il-ħarsien soċjali, il-ġustizzja u l-ugwaljanza huma prijoritajiet.

Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-aħħar minn sensiela ta’ diskussjonijiet onlajn dwar l-Unjoni Ewropea li l-MEUSAC u Europe Direct Valletta bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament f’Malta organizzaw f’Novembru. It-tliet diskussjonijiet preċedenti ffukaw fuq it-tranżizzjoni ekoloġika, it-tranżizzjoni diġitali u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Il-bidliet mgħaġġla fit-teknoloġija, il-globalizzazzjoni u l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ fl-Unjoni Ewropea, flimkien mal-pandemija tal-COVID-19, qegħdin ikollhom effetti fuq il-ħajja tas-soċjetà Ewropea, l-aktar fuq gruppi vulnerabbli. Waqt li l-Unjoni Ewropea qiegħda taħdem fuq l-irkupru tal-ekonomiji, waqt u wara l-pandemija, fosthom permezz tat-tisħiħ tal-impjiegi u tan-negozji żgħar u medji, irid ikun aċċertat li dawn l-isforzi jkunu kumplimentati b’miżuri u inizjattivi li jsaħħu l-oqsma tas-saħħa u t-tnaqqis tal-faqar b’mod partikolari. Waqt li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza limitata fejn jidħlu materji soċjali, fosthom l-edukazzjoni u s-saħħa, il-ħidma tagħha tinvolvi t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ kordinament, appoġġ u sostenn lill-Istati Membri, inkluż b’ammonti kbar ta’ fondi.

Waqt li t-tkabbir tal-ekonomija għolla l-livell tal-ħajja, fl-istess ħin ġab sfidi ġodda, bħal stress żejjed u nuqqas ta’ ħin għall-ħajja personali u tal-familja. Baqgħet ukoll il-qasma bejn min hu sinjur u min hu fqir, li qed tolqot l-iktar lil ċertu faxex tas-soċjetà. L-obbligu tal-Unjoni ewropea, tal-gvernijiet u tas-soċjetà ċivili hu li din il-qasma titnaqqas għaliex iktar ma tikber, iktar ikun hemm nies li jaqgħu lura.

F’dan il-kuntest, id-diskussjoni żviluppat ukoll fuq l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali bħala pass importanti għall-Unjoni Ewropea favur iktar attenzjoni lejn ekonomija li mhux biss tiġġenera l-ġid, imma li dan il-ġid igawdi minnu kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, l-istat tal-ħajja u l-pożizzjoni tal-individwu. Mibni fuq it-tliet pilastri tal-ugwaljanza, l-ekwità u l-protezzjoni, f’20 prinċipju, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jimmira li s-soċjetà Ewropea tkun aktar ġusta u ekwa. L-Unjoni Ewropea qiegħda toħroġ b’diversi inizjattivi għal iktar ġustizzja fil-qasam tal-impjiegi u l-SMEs, dwar kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol, fosthom li fl-Istati Membri jkun hemm paga minima adegwata għal għajxien diċenti, li bħalissa qiegħda fil-fażi ta’ konsultazzjoni. Għall-perjodu 2014-2020, il-Fond Soċjali Ewropew se jkun investa mad-90 biljun ewro fil-persuni, għall-bini ta’ Ewropa iktar soċjali u inklussiva. Hemm fondi oħra li twaqqfu minħabba l-pandemija li jindirizzaw ukoll dawn l-aspetti, bħal SURE u il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

L-Unjoni Ewropea tqis l-ugwaljanza b’mod mifrux fis-setturi kollha, bħala l-bażi ta’ soċjetà ġusta u ekwa, mhux bħala xi favur imma dritt li jgħodd għaċ-ċittadini kollha, l-iktar dawk li huma vulnerabbli u f’riskju ta’ faqar.

F’Ġunju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-Istrateġija Ewropea dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru 2020-2025. L-istrateġija tindirizza kif il-liġijiet jolqtu d-deċiżjonijiet li jieħdu n-nisa u jkunu ttrattati daqs l-irġiel: meta jibdew impjieg jew negozju, meta jiżżewġu u jkollhom it-tfal, kif ikunu ekonomikament indipendenti u meta jirtiraw.

Fid-diskussjoni ħadu sehem il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, il-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew Josianne Cutajar (S&D), Alfred Sant (S&D) u David Casa (EPP); Anthony Gatt, Direttur tal-Caritas Malta; Marthese Mugliette, Ċerpersin tal-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità; Ruth Sciberras, Kap Esekuttiv tal-Aġenzija Sapport; Noel Xerri mill-Anti-Poverty Forum Malta; Gabriele Bertone mill-YMCA.

« Back

other events