Diskussjoni Pubblika: Soċjetà Ugwali, Soċjetà Sħiħa

04 March 2021

Għalkemm fl-aħħar snin, fl-Unjoni Ewropea saru ħafna sforzi biex tintlaħaq aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, ir-rata tal-progress hija kajmana. Skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-UE tal-2020, maħruġ mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru, bir-rata ta’ progress li sar fl-aħħar għaxar snin f’dan il-qasam, iridu jgħaddu sittin sena oħra biex l-ugwaljanza ssir realtà.

Fid-diskussjoni, organizzata mill-MEUSAC u Europe Direct Valletta, biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Mara, li jiġi ċċelebrat fit-8 ta’ Marzu, ġew diskussi t-temi ewlenin li joħorġu mill-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru 2020-2025: l-isterjotipi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika; il-bilanċ fir-responsabbiltajiet tan-nisa u l-irġiel, u; l-ugwaljanza fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MEUSAC, Mandy Falzon fil-ftuħ tad-diskussjoni tkellmet dwar ir-rwol tal-aġenzija li tagħti l-kontribut tagħha biex ikollna soċjetà aktar ugwali, permezz ta’ iktar informazzjoni, għarfien u dibattiti dwar l-inizjattivi fl-Unjoni Ewropea favur l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni fost l-oħrajn.

Hija tkellmet ukoll dwar l-effett tal-pandemija fuq in-nisa, li minn studju riċenti tal-Parlament Ewropew, ħareġ li b’riżultat tal-pandemija se jkun hawn madwar 47 miljun mara u tifla oħra minn madwar id-dinja li se jkunu qed jgħixu fi stat ta’ faqar. Is-Sa Falzon sellmet lil dawk il-ħaddiema nisa li waqt il-pandemija baqgħu jkunu strumentali biex servizzi bħal childcare, kaxxiera, infermiera u carers li fil-maġġoranza huma nisa baqgħu jagħtu kontribut tagħhom minkejja l-isfidi kbar li qed iġġib magħha din il-pandemija.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela tkellem dwar kif l-Unjoni Ewropea għamlet progress sinifikanti fl-ugwaljanza bejn is-sessi fl-aħħar 10 snin, fejn 14 mill-20 pajjiż magħruf fid-dinja dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-ebda Stat Membru ma kiseb l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi u l-progress huwa bil-mod. L-iktar li għamlu progress huma Malta, l-Italja u l-Lussemburgu, b’avvanz ta’ 10 punti perċentwali fl-aħħar 10 snin, fejn Malta telgħet erba’ postijiet.

Numru ta’ kelliema ttrattaw is-suġġett minn aspetti differenti: il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri; iċ-Chairperson tal-Kumitat Tekniku għar-riforma li twassal għall-Bilanċ tal-Ġeneru fil-Parlament, il-Prof. Carmen Sammut; il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Chiara Vassallo; il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace-Gasan; il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia; il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera; il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru u s-Sesswalitajiet fl-Università ta’ Malta, Dr Marceline Naudi; u l-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, Mary Gaerty.

Fost il-punti li tqajmu mill-kelliema spikkat l-importanza ta’ bidla fl-attitudni fil-mod kif is-soċjetà tħares lejn il-bniet u s-subien sa mit-twelid, kif is-soċjetà, bil-mod li bih taġixxi f’kull qasam, tkun soċjetà li jimpurtaha fis-servizzi kollha li tagħti.

Fid-diskussjoni spikkat ukoll l-importanza li għandha tingħata biex jinqatgħu l-isterjotipi bit-tkabbir fl-għarfien lill-ġenituri u l-għalliema dwar kif ikellmu u jaġixxu mat-tfal jew l-istudenti tagħhom. M’għandniex nibqgħu nirraġunaw b’dak li ‘suppost’ jagħmlu n-nisa u dak li ‘suppost’ jagħmlu l-irġiel. L-ugwaljanza tibda tintlaħaq aktar meta nieqfu nagħmlu dawn id-distinzjonijiet u npoġġu lin-nies f’kaxex. Fost in-nisa stess jeżistu bżonnijiet differenti, fosthom dawk b’diżabilità u bi bżonnijiet oħra, u għalhekk, m’għandniex inħarsu biss lejn nisa li rnexxew, imma wkoll lejn nisa li ma kellhomx l-opportunitajiet li jaslu fejn xtaqu.

L-ugwaljanza tintlaħaq meta nisa u rġiel jagħrfu li l-ugwaljanza hija tagħhom it-tnejn u rridu naslu għaliha flimkien, billi jkun hemm l-infrastruttura, sistemi u politiki f’posthom, li jiffavorixxu l-ugwaljanza.

« Back

other events