Sessjoni ta’ Informazzjoni: Il-Fondi tal-UE

22 September 2020

Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020, il-MEUSAC tellgħet laqgħa ta’ informazzjoni onlajn dwar is-servizzi tal-aġenzija, b’mod partiolari l-assistenza fejn jidħlu fondi Ewropej.

Il-laqgħa saret fit-22 ta’ Settembru fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti MUŻA, Il-Belt Valletta u tmexxiet mill-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon. Fl-introduzzjoni għal-laqgħa, is-Sra Falzon tkellmet dwar il-ħidma tal-MEUSAC biex tagħmel l-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħha permezz tat-tixrid tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni dwar politiki u liġijiet Ewropej li jolqtuhom fil-ħajja ta’ kuljum u billi tgħin għaqdiet mhux governattivi u volontarji u kunsilli lokali biex jibbenefikaw minn fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom.

Il-MEUSAC, qalet is-Sra Falzon, hija entità fis-servizz pubbliku fost katina sħiħa ta’ entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-fondi Ewropej fil-gżejjer Maltin.

Dr Darren Grasso, li jmexxi t-taqsima tal-fondi Ewropej fil-MEUSAC, ta preżentazzjoni dwar diversi programmi ta’ fondi li bihom jistgħu jsiru proġetti ta’ fejda fil-komunitajiet lokali. Dawn ivarjaw mill-Erasmus+ għall-istudenti, żgħażagħ u għalliema fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-volontarjat u l-isport, għal-LEADER, li jiffinanzja proġetti rurali u urbani fil-lokalitajiet fejn jidħlu r-restawr u l-protezzjoni ta’ siti kulturali u storiċi, l-iżvilupp ta’ siti ekoloġiċi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-għajnuna lil setturi vulnerabbli. Ingħatat informazzjoni oħra dwar il-programm dwar id-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Iż-żewġ kelliema tkellmu wkoll dwar l-importanza li meta entitajiet ikunu jridu japplikaw għall-proġetti, jaħsbu sew kif dawn ikunu innovattivi u jkollhom dimensjoni Ewropea, biex b’hekk ikunu aktar kompetittivi u jkollhom iktar ċans li jieħdu l-fondi.

dawk l-entitajiet li jkunu interessati jakkwistaw fondi Ewropej għal xi proġett, javviċinaw il-MEUSAC bl-ewwel ideat ħalli jingħataw direzzjoni kif għandhom jimxu sakemm japplikaw għall-proġett.

News Feature



« Back

other events