18-il sena ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Faith Spearing – Uffiċjal Esekuttiv, Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Mejju nfakkru t-18-il sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Kollox ma’ kollox kienu 18-il sena ta’ ħafna tibdil u żviluppi pozittivi għall-gżejjer Maltin, speċjalment mill-aspetti ekonomiċi, politiċi u soċjali.

Fost it-tibdiliet u l-iżviluppi l-aktar notevoli li ġabet magħha s-sħubija, insibu t-tiġdid tar-rilevanza ġeopolitika ta’ Malta, it-trasformazzjoni għal ekonomija primarjament ibbażata fuq is-servizzi, l-aċċess tan-negozji Maltin għal suq ta’ kważi 500 miljun ruħ, u investimenti kbar fl-infrastruttura, l-ambjent, u s-saħħa, fost l-oħrajn.

Fl-aħħar mill-aħħar, dawn it-tibdiliet u l-iżviluppi affettwaw b’xi mod jew ieħor liċ-ċittadini Maltin, għaliex l-iskop ewlieni tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien li kull ċittadin Malti jista’ jibbenifika minn kwalità ta’ ħajja aħjar u minn aktar opportunitajiet kemm f’Malta u kif ukoll lil hinn minn xtutna.

Apparti dak li sar jew qed isir madwarna permezz tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, tajjeb li wieħed jinnota l-varjetà kbira ta’ benefiċċji, servizzi u opportunitijiet kollha li l-Unjoni Ewropea toffri liċ-ċittadini tagħha, inkluż dawk Maltin. Minkejja li l-opportunitajiet u l-benefiċċji li toffri l-Unjoni Ewropea huma vasti, sfortunament huma ħafna dawk in-nies li, jew mhumiex konxji ta’ dak li toffrilhom l-Unjoni Ewropea, jew minħabba l-kumplessità tal-Unjoni Ewropea ma jkunux jafu kif jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet.

Hawn jidħlu s-servizzi li toffri l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta – SEM. Din l-Aġenzija tiffaċilita liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet u l-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea billi tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għal dawk kollha li forsi ma jkunux jafu fejn u lil min se jikkuntattjaw meta jkollhom bżonn informazzjoni u assistenza f’materji relatati mal-Unjoni Ewropea.

Matul l-aħħar sena, bħala aġenzija SEM assistejna mal-500 persuna li jew xtaqu jiksbu informazzjoni dwar politiki, liġijiet u inizjattivi tal-Unjoni Ewropea, jew li kellhom xi mistoqsija, diffikultà jew xi lment dwar benefiċċji, opportunitajiet, drittijiet jew obbligi bħala ċittadini Ewropej.

Barra minn hekk, SEM taħdem ukoll biex tinvolvi aktar liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu jressqu l-fehma tagħhom fuq materja jew oħra dwar l-Unjoni Ewropea. Sa minn Mejju tas-sena l-oħra, l-Aġenzija impenjat ruħha sabiex tippromwovi f’Malta l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – inizjattiva Ewropea biex jinġabru l-ideat u l-opinjonijiet ta’ ċittadini u organizzazzjonijiet dwar kif jixtiequ jaraw l-Ewropa fil-futur.

Bħala aġenzija SEM organizzajna numru ta’ attivitajiet u diskussjonijiet madwar Malta u Għawdex fejn laqqajna flimkien nies minn oqsma u ta’ etajiet differenti biex jiddiskutu u jsemmgħu leħinhom dwar il-futur li jixtiequ għalihom u għall-Ewropa. Matul dawn l-attivitajiet inġabru numru ta’ suġġerimenti u proposti fuq diversi aspetti tal-Unjoni Ewropea, li issa SEM ser tkun qiegħda tiġbor f’rapport wieħed.

L-aġenzija SEM toffri wkoll assistenza b’xejn lil organizzazzjonijiet volontarji, skejjel u kunsilli lokali biex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti tagħhom. Dan huwa servizzi li ilu jingħata kważi 13-il sena u li jiffaċilita ħafna l-proċess biex wieħed japplika għall-fondi. Fl-2021 biss, issottomettejna 95 proposta ta’ proġetti għall-fondi Ewropej.

Mis-sena l-oħra daħħalna servizz ġdid, fejn nassistu wkoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti lill-entitajiet li jkunu applikaw b’suċċess u kisbu fondi għall-proġetti tagħhom. Sal-lum, 14-il entità kienu ggwidati kif jimxu mar-regoli tal-Unjoni Ewropea marbuta ma’ kif jintefqu l-flus bi trasparenza u responsabbiltà, u biex jinkisbu l-miri li jkunu ġew imniżżla fl-applikazzjoni.

Is-sħubija ta Malta fl-Unjoni Ewropea mhix avveniment ta’ darba, iżda proċess kontinwu li jibqa’ jiżviluppa u jisassaħħaħ maż-żmien. Mod ta’ kif inkomplu nsaħħu s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropa huwa billi bħala ċittadini Maltin u Ewropej inkomplu nagħrfu nisfruttaw l-opportunitajiet marbuta magħha. L-Aġenzija SEM qiegħda hemm għal dan l-iskop.

L-aġenzija SEM tista’ tintlaħaq permezz tat-telephone 2200 3300, bl-email info.sem@gov.mt, mill-website www.sem.gov.mt, jew facebook.com/SEM.