2022: Sena ta’ ħidma biex aktar organizzazzjonijiet jiksbu fondi tal-Unjoni Ewropea

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tħaffef il-proċess biex individwi u entitajiet japplikaw għall-fondi tal-UE. Is-servizz li jingħata b’xejn jinvolvi assistenza personalizzata biex jiġu identifikati l-opportunitajiet ta’ fondi, tinkiteb applikazzjoni kompetittiva u tingħata gwida waqt li proġett ikun qiegħed jiġi implimentat. B’hekk is-servizz li jingħata huwa komplut, mill-applikazzjoni sal-implimentazzjoni.

Din is-sena, l-assistenza ta’ SEM issarrfet fis-sottomissjoni ta’ 70 applikazzjoni għall-fondi tal-UE, u għenet fl-implimentazzjoni ta’ 64 proġett li kiseb il-fondi. Proġetti bħal dawn huma ta’ benefiċċju għall-parteċipanti tal-proġetti u dawk li jibbenefikaw minnhom.

Il-1st Qormi Scout Group irċieva l-assistenza ta’ SEM għal skambju taż-żgħażagħ ma’ gruppi oħra ta’ scouts mill-Irlanda, l-Italja, is-Slovakkja, il-Litwanja u l-Polonja. Dan il-proġett kien maħsub biex jindirizza l-isfidi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ fejn tidħol is-saħħa mentali.

Permezz ta’ attivitajiet organizzati bħal tlugħ mas-sisien u l-isparar bil-qaws, il-parteċipanti tħarrġu f’ħiliet li jgħinuhom jegħlbu l-biżgħat tagħhom u jitgħallmu l-benefiċċji marbuta ma’ attivitajiet fiżiċi. Professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali, għenu lill-parteċipanti jesprimu aħjar l-emozzjonijiet tagħhom u jitgħallmu metodi ta’ kif jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom.

Eżempju ieħor tal-assistenza ta’ SEM kien il-proġett tal-Klabb tal-Banda Beland biex isiru xogħlijiet fil-każin fiż-Żejtun u jinxtara tagħmir għall-użu tal-Banda, li bħal baned oħra, tgħallem il-mużika u tieħu sehem f’attivitajiet kulturali bħall-festi u torganizza l-Beland Music Festival. Permezz ta’ dan il-proġett tjiebu l-faċilitajiet għall-membri u għall-attivitajiet li jsiru matul is-sena, inkluż il-kunċerti tal-mużika.

Minbarra l-għaqdiet volontarji, jistgħu jibbenefikaw ukoll entitajiet pubbliċi li jwettqu proġetti ta’ benefiċċju nazzjonali. SEM assistiet lill-MITA biex tapplika għall-fondi tal-UE biex tkun tista’ tmexxi Ċentru Nazzjonali ta’ Kordinament għal aktar sigurtà ċibernetika u biex tgħin negozji żgħar jinvestu f’sistemi bħal dawn.

SEM ma tgħinx biss fl-istadju ta’ applikazzjoni, imma tgħin ukoll lil diversi entitajiet fl-implimentazzjoni tal-proġetti billi tiggwidahom kif jagħmlu r-rapporti dwar ir-riżultati tal-proġetti, dwar il-promozzjoni tal-benefiċċji li joħorġu minnhom u obbligi oħra marbuta mal-użu korrett tal-fondi Ewropej.

Iktar eżempji ta’ proġetti finanzjati mill-UE, miksuba bl-assistenza ta’ SEM, jinsabu fil-website tal-aġenzija.

Għal iktar informazzjoni dwar fondi tal-UE, jew biex tiltaqa’ ma’ uffiċjali ta’ SEM għal gwida personalizzata, il-kuntatti huma 2779 7300, info.sem@gov.mt jew il-website sem.gov.mt.