€316.4 miljun għall-irkupru u l-progress

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Iż-żjara f’Malta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Settembru saret biex pajjiżna jkun jista’ jibda jwettaq il-pjanijiet tiegħu fi proġetti finanzjati mill-pakkett ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, msejħa Next GenerationEU. Dan il-pakkett ta’ fondi hu maħsub biex jgħin lill-Istati Membri jirkupraw mill-pandemija u javvanzaw ‘il quddiem ekonomikament u soċjalment.

Malta se tkun qed tingħata €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

Ftit tax-xhur ilu, Malta, bħal Stati Membri oħra ppreżentat pjan ta’ kif se jiġu investiti dawn il-fondi, skont kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-kriterji jistabbilixxu kif l-Istati Membri jkollhom rispons koordinat waqt li jħarsu ‘l quddiem lejn l-irkupru mill-pandemija. Għal dan, l-Unjoni Ewropea allokat mat-€800 biljun. Il-Faċilità għall-Irkupru u Reżiljenza għandu allokat għalih 672.5 biljun.

Il-Kummissjoni Ewropea, fl-analiżi tagħha tal-pjan ta’ Malta kkunsidrat, b’mod partikolari, kif Malta qiegħda tippjana li twettaq proġetti fl-oqsma favur il-klima, fil-qalba diġitali u kif se ssaħħaħ l-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħha.

Malta se tkun qed tiddedika 54% tal-allokazzjoni totali tagħha għal miżuri li jappoġġaw il-finanzjament ta’ inizjattivi ta’ trasport sostenibbli, kemm pubbliku, marittimu u kemm ta’ vetturi elettriċi, kif ukoll interventi fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini. Huma wkoll maħsuba riformi tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart.

Biex nagħtu eżempju, Malta pproponiet li talloka 60 miljun biex jiġi rinnovat bini privat u pubbliku, inklużi sptarijiet u skejjel, biex ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Dan għandu jwassal biex Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija primarja, tillimita l-iskart tal-enerġija, tnaqqas l-emissjonijiet, filwaqt li tiżgura wkoll implikazzjonijiet soċjali, tas-saħħa u ambjentali pożittivi.

Il-pjan ta’ Malta jiddedika 26% tal-allokazzjoni totali tagħha għal miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali. Dan jinkludi sforzi biex l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi jkomplu jiġu diġitalizzati, inkluż il-kura tas-saħħa u s-sistemi ġudizzjarji. Għandu jiġi diġitalizzat ukoll id-Direttorat tal-bastimenti merkantili ta’ Malta u jittieħdu inizjattivi li jappoġġjaw is-settur privat,b’mod speċjali l-SMEs, biex jinvestu f’sistemi diġitalizzati u b’hekk itejbu l-effiċjenza, il-produttività u jagħtu servizz aħjar lill-klijenti tagħhom.

Ta’ min wieħed jgħid li l-kriterji tal-Unjoni Ewropea għall-faċilità ta’ rkupru u reżiljenza jistabbilixxu li l-pajjiż irid jalloka mill-inqas 37% tal-fondi f’azzjonijiet favur il-klima kif stabbilit fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030. Malta tippjana wkoll li tinvesti 20% tal-fondi f’investimenti diġitali. Malta dawn il-kriterji qed taqbiżhom sew, hekk kif qed tippjana li tinvesti 54% għall-klima u 26% għall-qasam diġitali.

Il-pjan ta’ Malta jinkludi wkoll miżuri fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-innovazzjoni, l-effiċjenza fl-enerġija, l-iskart, it-trasport sostenibbli, l-indipendenza ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, Malta hija impenjata li tadotta l-azzjonijiet meħtieġa biex tindirizza n-nuqqasijiet li ġew indikati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.

Il-pjan ta’ Malta jinkludi wkoll miżuri li parzjalment jindirizzaw l-isfidi fl-oqsma tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-innovazzjoni u l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet, miżuri li jikkonċernaw ħaddiema akbar fl-età (55-64 sena), adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u l-iżbilanċ fl-impjiegi bejn is-sessi.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mistenni japprova l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex Malta tingħata dawn il-fondi, li imbagħad jibdew jingħataw fi stadji differenti, skont l-implimentazzjoni tal-proġetti li se jkunu finanzjati minn dawn il-fondi u għandhom jitwettqu sas-sena 2026. 

Għal iktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Aġenzija SEM jew lil Europe Direct Valletta fuq 2200 3300 jew bl-email info.sem@gov.mt.