Eroj tal-Klima fi Skolasajf

Artiklu miktub minn Michela Meli – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

It-tibdil fil-klima huwa theddida urġenti għad-dinja tagħna, iżda lkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu fil-bini ta’ futur sostenibbli.

Matul Lulju u Awwissu, Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, qegħdin jorganizzaw attivitajiet għat-tfal ta’ SkolaSajf. Din hija l-10 sena konsekuttiva li bl-attivitajiet li qegħdin nagħmlu, qegħdin nagħtu l-opportunità lit-tfal li jitgħallmu dwar l-Unjoni Ewropea u dwar kif ikunu ċittadini Ewropej attivi.

It-tema ta’ Skolasajf għal din is-sena hija, ‘Earth Heroes Unite’, u għalhekk aħna wkoll għażilna li permezz ta’ attivitajiet interattivi nkomplu nħeġġu lit-tfal ikunu Eroj tal-Klima, billi nuruhom x’inhi tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tindirizza din il-problema, u x’jistgħu jagħmlu huma biex jagħtu l-kontribut tagħhom.

B’kollox se nkunu għamilna 25 sessjoni lil madwar 400 tifel u tifla ta’ bejn it-8 u t-12-il sena, li jattendu ċentri differenti ta’ Skolasajf madwar Malta u Għawdex. Permezz ta’ materjal interattiv, fosthom videos u logħob, it-tfal jitgħallmu aktar dwar it-tibdil fil-klima u jgħidu x’jaħsbu dwar l-effetti li qed ikollha fuqna u fuq id-dinja tagħna. It-tfal jiġu mistienda wkoll jgħidu x’qegħdin jagħmlu u x’jistgħu jagħmlu iktar permezz ta’ azzjonijiet żgħar fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Is-sehem tal-UE favur il-klima
Aktar ma’ jmur, iż-żieda allarmanti fit-temperatura tad-dinja b’effett tat-tisħin globali qiegħda ġġib temp estrem, nirien, mewġiet ta' sħana u għargħar, li qegħdin isiru aktar frekwenti. Dan it-tibdil fil-klima qiegħed mhux biss jaffettwa l-ambjent ta’ madwardna u jżid l-ispejjeż fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi, izda qiegħed ukoll iħalli impatt fuq il-provvisti tal-ikel u tal-ilma, kif ukoll fuq saħħitna.

It-tibdil fil-klima huwa sfida globali li teħtieġ rispons globali. L-UE hija determinata li tgħin biex iżżid l-ambizzjoni globali u qed tmexxi bl-eżempju. Fil-fatt hija waħda mill-firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi, li għandu l-għan li jillimita t-tisħin globali għal ferm inqas minn 2°C mil-livelli tal-1990 u li jkompli bl-isforzi biex jillimitah għal inqas minn 1.5°C. F'konformità ma’ dan il-Ftehim, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu wkoll fuq oġġettiv bla preċedent li l-kontinent Ewropew isir newtrali għall-klima sal-2050.

Permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istati Membri tal-UE kkommettew li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu kemm jistgħu l-emissjonijiet tagħhom u ma jkomplux iżidu l-gassijiet ħżiena fl-atmosfera. Barra minn hekk, l-isfida hi li d-dinja ssir aktar sostenibbli fejn jidħlu l-modi kif nużaw ir-riżorsi bħall-enerġija, l-ilma u l-ikel, kif niddisponu mill-iskart, u kif ngħixu id f’id mal-ambjent ta’ madwarna biex id-dinja tagħna tkun aktar sostenibbli.

Din hija sfida għal kulħadd, għaliex l-għażliet tagħna ta’ llum jiddeterminaw jekk għada jkollniex futur li nistgħu ngħixu fih. Ħafna mill-bidliet li nagħmlu, itejbu l-mod kif ngħixu, il-mod kif immorru minn post għall-ieħor, il-mod kif inkessħu jew kif insaħħnu d-djar tagħna, il-mod kif nipproduċu u l-mod kif nikkunsmaw. Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu, u ebda azzjoni ma hija żgħira wisq.

Il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jgħallmuna
Mill-attivitajiet li qegħdin nagħmlu fi Skolasajf joħroġ ċar li t-tfal għandhom l-ambjent għal qalbhom ħafna u li huma lesti li jagħtu s-sehem tagħhom biex jgħixu f’soċjetà li tirrispetta aktar l-ambjent u l-klima.

Bħala adulti għandna ħafna x’nitgħallmu mill-mod kif it-tfal jagħrfu l-importanza tar-responsabbiltà ċivika tagħhom. Għandna nkunu aħna li nimxu fuq l-eżempju tagħhom u ninkuraġġuhom ma jaħsbux biss fihom infushom, imma fl-ambjent ta’ madwarhom li għad iridu jgawdu huma u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.