Fejn sejra l-Unjoni Ewropea
Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont
Kull sena, f’Settembru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea tagħmel diskors fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu li matulu tippreżenta lill-Membri tal-Parlament Ewropew dak li tkun għamlet il-Kummissjoni fl-aħħar sena u tippreżenta l-pjanijiet għas-sena li tkun ġejja.
Dan hu li se tagħmel il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen nhar l-Erbgħa 14 ta’ Settembru, għat-tielet darba fit-terminu tagħha fit-tmun tal-Kummissjoni. Wara d-diskors, il-Membri tal-Parlament Ewropew jistaqsu diversi mistoqsijiet dwar kif il-pjanijiet tal-Kummissjoni se jkunu qegħdin jindirizzaw it-tħassib, il-problemi u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej. Id-dibattitu għandu jwassal biex il-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan ta’ azzjoni tagħha għas-sena d-dieħla.
Fi żminijiet normali, diskors bħal dan jagħti ħarsa lejn dak li jkun twettaq mill-pjan imfassal għas-sena ta’ qabel abbażi ta’ pjan għat-terminu tal-Kummissjoni attwali (2019-2024). Il-prijoritajiet għal dan it-terminu li tfasslu fl-2019 kienu jindirizzaw viżjoni għal Ewropa aktar ekoloġika, diġitali, soċjali, demokratika, iktar b’saħħitha fid-dinja u li tipproteġi l-valuri tagħha.
Iżda bħalma wieħed jistenna, bħalma ġara fil-passat, jinqalgħu sfidi mhux mistennija. La l-pandemija u lanqas l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ma kienu antiċipati. L-effetti ta’ dawn iż-żewġ kriżijiet kienu u għadhom kbar u mifruxa għall-Unjoni Ewropea. Li hu żgur hu li l-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u l-mexxejja tal-Istati Membri, ħadu azzjonijiet konkreti biex iwieġbu għal dawn iż-żewġ realtajiet b’mod koordinat bħala Unjoni u li kemm jista’ jkun jilqgħu għar-riperkussjonijiet mhux mixtieqa fuq iċ-ċittadini Ewropej.
Il-Kummissjoni Ewropea kkoordinat ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 biex tiżgura l-aċċess għat-tilqim sikur u effettiv, tassigura l-moviment ħieles u tilqa’ għal kriżijiet ta’ din ix-xorta fil-futur. Permezz tal-pjan ambizzjuż ta’ rkupru, ‘NextGenerationEU’, l-Unjoni Ewropea trid tassigura li l-familji, in-negozji u l-investituri fl-Unjoni Ewroepa jkollhom kunfidenza fil-futur u jimmodernizzaw l-ekonomiji b’effett tal-pandemija.
Bħalissa, l-isfida ewlenija għall-Unjoni Ewropea hija bla dubju kif tindirizza l-effetti tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-iskarsezza tal-ikel u l-prodotti, iż-żieda fil-prezzijiet, il-provista tal-enerġija, u s-sigurtà huma ta’ tħassib għaċ-ċittadini Ewropej u jistennew li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jindirizzawhom kif jixraq u b’mod konvinċenti.
Il-kriżi tal-enerġija fl-Ewropa, b’effett tal-invażjoni tal-Ukrajna hija bħalissa fuq fomm kulħadd. Fost miżuri li ttieħdu, biex tiżgura l-provvista, il-Kummissjoni ppreżentat pjan biex taqta’ d-dipendenza fuq ir-Russja. Il-pjan ‘REPowerEU’ għandu jixpruna lill-Istati Membri jgħaġġlu l-bidla għal enerġija iktar nadifa u rinnovabbli. L-isfida trid tkompli tiġi indirizzata, b’mod speċjali għal dawk il-pajjiżi li l-aktar jiddependu fuq l-importazzjoni tal-enerġija mir-Russja u li fix-xitwa tiżdied għalihom id-domanda.
B’hekk, xorta l-prijoritajiet il-kbar baqgħu biex l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin issir aktar ekoloġika, diġitali u ġusta. Iżda kollox kellu jkun indirizzat b’mod differenti u f’kuntesti differenti, inklużi l-fondi kbar tal-Unjoni Ewropea għas-snin li qegħdin fihom. Hekk pereżempju, il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027 ġie adattat b’mod li jindirizza s-sitwazzjonijiet ġodda tal-ekonomija Ewropea u tal-Istati Membri.
Barra minn dan kollu, id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ din is-sena mistenni jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn eċerċizzju wiesa’ ta’ konsultazzjoni li sar fl-Unjoni Ewropea s-sena l-oħra. F’dan l-eċerċizzju msejjaħ ‘Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa’, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, inkluż Maltin, intalbu jagħtu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom għall-futur tal-Ewropa. Bir-raġun, issa jistennew li jkollhom indikazzjoni dwar kif ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom bdew jew se jkunu attwati, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżijiet ġodda.
Kull min jixtieq isegwi d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni u d-dibattitu mal-Membri tal-Parlament Ewropew jista’ jidħol fil-website kemm tal-Kummissjoni u kemm tal-Parlament nhar l-Erbgħa 14 ta’ Settembru fid-9am. Waqt li d-diskorsi jsiru primarjament bl-Ingliż, wieħed ikun jista’ jisma’ t-traduzzjoni simultanja bil-Malti bħala waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fuq l-istazzjon nazzjonali, se jkun qiegħed jixxandar dirett, b’kummenti qabel minn mistiedna, fosthom il-Kap Esekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon.