Fondi Ewropej għall-Komunitajiet Lokali

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Meta jiġu amministrati proġetti finanzjati minn fondi Ewropej, l-għan ewlieni huwa li dawn il-fondi jaslu direttament għand in-nies u jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet f’Malta u f’Għawdex. Hemm diversi tipi ta’ fondi Ewropej li permezz tagħhom il-kunsilli lokali jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent u l-istorja tal-lokalità u jtejbu l-ħajja tal-komunitajiet tagħhom.

Wieħed mill-modi kif jintużaw il-fondi Ewropej fil-komunitajiet lokali huwa fir-restawr ta’ opri tal-arti u niċeċ, li permezz tagħhom jiġi mħares u ppriservat il-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Proġetti bħal dawn jinkludu dawk li saru mill-Kunsill ta’ Birżebbuġa fejn sar restawr fuq il-pittura prinċipali fil-kappella tas-Sagra Familja, kif ukoll għamara li kienet fl-istess kappella, mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar fejn ġew restawrati n-niċċa ta' Ġesù Redentur u l-istatwa ta' San Ġużepp, kif ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba fejn sar restawr tan-niċċa ta' Santa Marija. Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi wkoll investa l-fondi Ewropej f’restawr ta’ niċeċ fil-knisja tar-raħal u f’kappelli bħal Tal-Ħniena u ta’ San Mattew tal-Maqluba.

Il-fondi tal-UE jassistu wkoll biex isiru proġetti ambjentali bħal żvilupp u tisbiħ ta’ ġonna u tħaddir fil-komunità, sabiex il-pubbliku jgawdi minn aktar spazji miftuħa u għaldaqstant minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Pereżempju fiż-Żejtun saret rijabilitazzjoni u tisbiħ fil-Ġnien ta’ San Girgor fejn sar tħawwil ta’ siġar indiġeni, ġiet stallata żona bil-ħaxix naturali, kif ukoll żdiedu l-bankijiet u gazebo li ġew magħmula minn materjal riċiklabbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. F’Ħal Safi sar ukoll ir-restawr u t-tisbiħ ta’ Ġnien Sir Alexander Ball, fejn ġiet restawrata l-faċċata tal-ġnien li kienet fi stat perikoluż, tħawlu arbuxelli indiġeni u siġar taċ-ċitru, ġiet stallata sistema ta’ tisqija madwar il-ġnien kollu, inbniet gazebo, u żdiedet l-aċċessibiltà għal persuni b’diżabilità permezz ta’ pavimentar ġdid fid-daħla tal-ġnien.

Permezz tal-fondi, l-UE tippromwovi wkoll l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika permezz ta’ proġetti ta’ ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-irħula. Numru kbir ta’ kunsilli lokali f’pajjiżna ddeċidew li jissieħbu ma’ pajjiżi oħra għal dan il-għan. Fost dawn, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-Komun ta’ Augusta fi Sqallija ngħaqdu fi proġett fejn qegħdin jiddiskutu l-importanza tal-wirt kulturali, kemm f’kuntest lokali u kemm f’kuntest Ewropew, u dwar kif jistgħu jippreservaw il-lokalitajiet tagħhom quddiem l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.

Dawn il-fondi jassistu wkoll fl-iżvilupp ta’ toroq rurali u r-restawr jew bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ. Rigward toroq rurali, permezz ta’ fondi Ewropej diġà tlestew ix-xogħlijiet fuq madwar 160 triq f’bosta lokalitajiet, li permezz tagħhom aktar bdiewa u raħħala għandhom infrastruttura aħjar li biha jistgħu jaslu fl-għelieqi u l-irziezet tagħhom b’mod iktar faċli, filwaqt li żdiedet l-aċċessibiltà għall-pubbliku għal aktar pajsaġġi naturali. Ftit ġimgħat ilu, pereżempju, tlestew diversi toroq rurali fil-Gudja.

Numru ta’ kunsilli wkoll ingħataw fondi għar-restawr jew il-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ. Fost dawn kien hemm il-Kunsill Lokali tal-Munxar f’Għawdex li permezz ta’ fondi Ewropej bena mill-ġdid u rrestawra kilometri sħaħ ta’ ħitan tas-sejjieħ f’diversi żoni u siti partikolari fir-raħal, fosthom fiż-żoni magħrufa bħala tax-Xadba u l-Irdum tas-Sanap. Permezz ta’ dan l-investiment, il-Kunsill Lokali tal-Munxar irnexxielu mhux biss ikun ta’ assistenza lill-bdiewa tal-madwar iżda anki għan-nies u t-turisti li jżuru dawn iż-żoni għax inħoloq pajsaġġ aktar aċċessibbli.

Finalment, il-kunsilli lokali jistgħu wkoll jibbenifikaw minn fondi Ewropej sabiex iż-żgħażagħ tal-lokalità tagħhom jipparteċipaw fi skambji taż-żgħażagħ. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jlaqqgħu flimkien gruppi ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti, li jipprovdulhom opportunità li jiddiskutu u jikkonfrontaw diversi temi, filwaqt li jitgħallmu dwar il-pajjiżi u l-kulturi ta’ xulxin. Wieħed mill-kunsilli li b'mod attiv japplika għall-fondi biex isiru dawn il-proġetti huwa l-Kunsill tas-Siġġiewi li riċentement beda proġett bis-suġġett, ’Less digital - More Interaction’. Bħala parti minn dan il-proġett, il-Kunsill iktar tard din is-sena ser jilqa’ mat-30 żagħżugħ minn sitt pajjiżi Ewropej fejn ser jiddiskutul-edukazzjoni diġitali, l-etika u l-użu korrett tat-teknoloġija.

Dawn huma ftit eżempji dwar l-opportunitajiet li joffru l-fondi Ewropej biex itejbu l-ħajja tal-komunitajiet lokali minn diversi aspetti. F’bosta minnhom u ħafna oħrajn, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) għenet lill-kunsilli lokali jiżviluppaw il-proposti għal proġetti finanzjati mill-fondi Ewropej, jimlew il-formola tal-applikazzjoni relevanti, u jimplimentaw proġetti bħal dawn imsemmija.

Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt, jew mill-website sem.gov.mt.