Fondi Ewropej għall-promozzjoni tal-Volontarjat u s-Solidarjetà fil-Komunità

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri, Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-Unjoni Ewropea (UE) hi mibnija fuq ix-xewqa għall-paċi u l-prosperità u fuq il-valuri tas-solidarjetà u l-koperazzjoni. L-UE tippromwovi wkoll l-inklużjoni u l-involviment attiv taċ-ċittadini tagħha fi proġetti u diskussjonijiet fuq temi kurrenti. L-UE tiffavorixxi partikolarment l-involviment taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet u f’dibattiti dwar il-futur tal-komunitajiet u l-pajjiżi tagħhom. Bħala estensjoni ta’ dan il-ħsieb, il-volontarjat hu meqjus bħala espressjoni importanti ta’ solidarjetà u koperazzjoni.

Għaldaqstant, l-UE tgħin il-ħidma tal-volontarjat u s-solidarjetà bil-fondi permezz ta’ programm relattivament ġdid: Il-Korp Ewropew tas-Solidarjetà (KES). Dan il-programm ta’ fondi tnieda fl-2018 bil-għan ġenerali li jkun hemm iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex ikunu involuti fi proġetti li jindirizzaw sfidi soċjali u umanitarji bħal pereżempju l-esklużjoni soċjali jew l-għajnuna umanitarja meħtieġa f’każijiet ta’ diżastri naturali. Dan qed isir bit-tama li jissaħħu valuri bħas-solidarjetà, id-demokrazija, iċ-ċittadinanza attiva u s-sens ta’ identità Ewropea.

Proġetti ta’ solidarjetà huma proġetti li jiġu żviluppati u implimentati minn grupp ta’ mhux inqas minn ħames żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena f’pajjiżhom stess. Il-proġetti finanzjati minn dawn il-fondi għandhom idumu bejn xahrejn u sena u jindirizzaw realtajiet jew sfidi li qegħdin jiffaċċjaw membri tal-komunità, anke jekk dawn il-membri ma jkunux neċessarjament żgħażagħ huma stess.

Mill-banda l-oħra, proġetti ta’ volontarjat jistgħu jsiru jew fil-pajjiż tal-parteċipanti żgħażagħ jew f’pajjiż ieħor eliġibbli. Dawn il-proġetti joffru opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ solidarjetà u jgħinu biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunitajiet lokali, waqt li jikkontribwixxu biex jingħelbu sfidi soċjali ewlenin.

Proġetti ta’ volontarjat jistgħu jsiru jew fuq bażi individwali, jew fi gruppi ta’ żgħażagħ u jinvolvu żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena.

Proġetti ta’ volontarjat fuq bażi individwali jridu jdumu bejn xahrejn u sena, għalkemm tista’ ssir eċċezzjoni f’każ ta’ parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ żvantaġġjati. Fl-ispirtu tal-inklużjoni u s-solidarjetà, taħt il-KES jistgħu jintalbu fondi addizzjonali biex parteċipanti meqjusa żvantaġġjati jiġu inklużi fil-proġetti, bħal persuni bi bżonnijiet speċjali, persuni bi problemi tas-saħħa, dawk li għandhom nuqqas ta’ riżorsi ekonomiċi biex jipparteċipaw u dawk ġejjin minn sfondi soċjali u kulturali marġinalizzati.

Proġetti ta’ volontarjat minn gruppi ta’ żgħażagħ iridu jdumu bejn ġimagħtejn u xahrejn u jinvolvu żgħażagħ minn minimu ta’ żewġ pajjiżi eliġibbli. Wieħed mill-gruppi ta’ żgħażagħ irid ikun mill-pajjiż fejn ser jittella’ l-proġett.

It-temi li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-KES jinkludu l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva (bħall-volontarjat), l-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u temi oħra marbutin mal-ambjent, ħiliet diġitali u l-parteċipazzjoni demokratika.

Diversi entitajiet Maltin diġà bbenefikaw minn dan il-programm ta’ fondi. Fis-sena 2020, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) assistiet l-għaqda mhux governattiva i-HELP tapplika b’suċċess għal Proġett ta’ Volontarjat. Permezz ta’ dan il-proġett, erba’ voluntiera mit-Turkija vvjaġġaw lejn Malta biex jgħinu lil i-HELP timplimenta attivitajiet edukattivi għal tfal, speċjalment dawk żvantaġġjati, wara l-ħin tal-iskola u fil-vaganzi. Permezz ta’ din l-inizjattiva, studenti lokali jistgħu jitgħallmu dwar tisjir, sport, l-arti u r-robotika, fost suġġetti oħra. Minkejja s-sitwazzjoni kurrenti tas-saħħa pubblika, l-attivitajiet xorta qegħdin isiru, billi fejn meħtieġ, ċertu attivitajiet jittellgħu onlajn għas-sigurtà tal-parteċipanti.

Il-Programm KES joffri għajnuna finanzjarja għall-akkomodazzjoni, l-ivvjaġġar u biex jiġu koperti spejjeż marbutin mal-attivitajiet eliġibbli fil-proġett. Dawk interessati li japplikaw din is-sena taħt l-opportunitajiet imsemmija tal-KES għandhom ċans li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sal-5 ta’ Ottubru li ġej. L-Aġenzija SEM tista’ tgħinek tiżviluppa proġett u fil-proċess ta’ applikazzjoni. Min jixtieq jista’ wkoll jikseb l-għajnuna ta’ SEM fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

Għal aktar tagħrif dwar fondi tal-UE u l-għajnuna li tista’ toffrilek l-Aġenzija SEM, tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt.