Fondi Ewropej għas-Sajd, l-Akkwakultura u l-Agrikoltura

Artiklu miktub minn Michela Meli – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Għalkemm l-industriji tas-sajd, l-akkwakultura u l-agrikoltura huma relattivament żgħar f’pajjiżna, xorta waħda għandhom importanza kbira għall-ekonomija Maltija. L-isfidi li jiffaċċjaw dawn is-setturi mhumiex żgħar u għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea tagħti fondi lil pajjiżna biex is-sajjieda u l-bdiewa Maltin u Għawdxin jiġu megħjuna biex jindirizzaw id-diversi sfidi li jħabbtu wicċċhom magħhom ta’ kuljum. Fost dawn l-isfidi hemm in-nuqqas ta’ interess taż-żgħażagħ fis-settur, l-impatt tal-COVID-19, l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-ħtieġa ta’ tiġdid tal-flotta tas-sajd, il-ħtieġa ta’ riċerka, innovazzjoni u għarfien, art agrikola limitata u restrizzjonijiet naturali fl-agrikoltura, kif ukoll sfidi oħra soċjali u ekonomiċi.

Għas-sitt snin li ġejjin, Malta se tirċievi miljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej, b’madwar €21.8M għas settur marittimu, tas-sajd u l-akkwakultura, u madwar €122M għall-agrikoltura, b’€4.9M minnhom għall-bdiewa żgħażagħ.

Għas-settur marittimu u tas-sajd, il-biċċa l-kbira tal-fondi se jkunu allokati għas-sostenibbiltà, il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ dawn is-setturi. Dawn il-fondi, fost affarijiet oħra ser jinvestu fil-kapaċità tas-sajjieda, sabiex dawn ikollhom ir-riżorsi u jtejbu l-ħiliet biex jaġġornaw u jġeddu l-mod kif jaħdmu, filwaqt li jingħataw aċċess għal servizzi ta’ konsulenza professjonali. L-investiment se jsir ukoll fil-portijiet ewlenin tas-sajd biex tittejjeb is-saħħa u s-sikurezza għas-sajjieda. Se tingħata wkoll importanza lill-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, fosthom b’azzjonijiet kontra l-iskart fil-baħar, it-titjib tat-tagħmir tas-sajd, l-immaniġġjar aħjar tal-ambjent marittimu u d-diġitalizzazzjoni tas-settur.

Hekk kif fl-aħħar snin, il-qasam tal-akkwakultura kompla jikber u jiżviluppa, żviluppaw ukoll diffikultajiet ġodda relatati ma’ dan il-qasam. In-numru limitat ta’ speċi mkabbra fil-farms tal-ħut hija sfida fiha nnifisha u s-settur huwa milqut minn nuqqas ta’ riċerka u innovazzjoni, li hija essenzjali għas-sostenibbiltà tas-settur. Għaldaqstant, ser ikun hemm investiment ukoll f’attivitajiet aktar sostenibbli fl-akkwakultura, f’aktar riċerka u innovazzjoni dwar prodotti jew proċessi ġodda u dawk eżistenti. L-investiment se jsir ukoll biex jikber l-għarfien u l-promozzjoni ta’ prodotti tal-ħut u tal-akkwakultura lokali.

Għall-agrikoltura, ser isiru wkoll investimenti li jtejbu s-sostenibbiltà f’dan is-settur, jimmodernizzawh u jassiguraw li l-bdiewa jkollhom ir-riżorsi biex jegħlbu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Partikolarment, mill-pjan tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta’ Malta, hemm fondi ġodda li ser ikunu qegħdin jitqassmu b’mod aktar ġust fost l-azjendi agrikoli, b’enfasi fuq azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll lill-bdiewa żgħażagħ. Ser isiru wkoll investimenti fil-bdiewa sabiex ikollhom għarfien aħjar dwar l-innovazzjoni, u jadottaw prattiċi ġodda fil-biedja tagħhom, li jżidu l-effiċjenza u s-sotenibbiltà fil-produzzjoni.

Barra minn hekk, il-pjan għal Malta għall-agrikoltura jiffoka wkoll fuq investimenti li jtejbu d-dħul għall-bdiewa u l-ħaddiema ta’ dan is-settur, kif ukoll biex itejbu l-kundizzjonijiet u l-infrastruttura rurali, bħall-aġġornament u l-modernizzazzjoni tat-toroq f’żoni rurali u l-immaniġġjar aħjar tal-iskart li ġej minn dan is-settur.

Il-pass li jmiss għal Malta huwa li jiġu żviluppati programmi ta’ implimentazzjoni nazzjonali għal dawn il-fondi, li fihom jiġu enfasizzati l-prijoritajiet ta’ pajjiżna u jitfasslu l-proġetti, sabiex jiġi żgurat li l-fondi jintefqu b’allokazjonijiet proporzjonati u fil-massimu tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna ser ikun jista’ jegħleb l-isfidi li jiffaċjaw il-bdiewa u s-sajjieda f’dawn is-setturi, filwaqt li jkompli jitnaqqas l-impatt ambjentali, tiżdied s-sostenibbilità u jitgawda aktar il-prodott Malti.

Għal aktar informazzjoni dwar il-fondi Ewropej f’dawn is-setturi jew oħrajn u biex iżżomm ruħek aġġornat dwar skemi marbuta ma’ dawn il-fondi, ikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq info.sem@gov.mt jew ċempel 2779 7300.