Fondi Ewropej għat-tisħiħ tal-Kultura u l-Arti Kreattiva

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom storja ta’ kultura imprezzabbli li nbniet matul is-snin, u li fiha nfisha hija għanja u diversa u li tirrifletti l-mixja ta’ kull pajjiż individwali matul is-snin. Biżżejjed wieħed iħares ħarsa madwar pajjiżna biex jara xhieda ta’ dan ma’ kull pass li jimxi.

Il-Kultura hija waħda mill-oqsma importanti għall-Unjoni Ewropea, li mhux biss toħroġ ir-rikkezza tad-diversità tal-pajjiżi fi ħdanha, imma wkoll tgħaqqadhom permezz tal-wirt komuni tagħhom u flimkien jagħtu identità Ewropea unika.

Barra minn hekk, il-kultura hija sors ewlieni ta’ tkabbir għall-ekonomiji u għall -industriji li jmissu magħha.

Waqt li l-kultura hija qasam fir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru, l-Unjoni Ewropea tgħin biex tħares u ssaħħaħ il-kultura Ewropea b’mod sħiħ. Wieħed mill-modi kif tagħmel dan hu billi tiddedika fondi li jappoġġjaw inizjattivi u proġetti kulturali u tal-arti kreattiva permezz ta’ programm ta’ fondi apposta msejjaħ Ewropa Kreattiva.

Matul is-snin, l-allokazzjoni finanzjarja għal dan il-programm ta’ fondi żdiedet b’mod konsistenti, biex għall-perjodu 2021-2027, il-baġit żdied għal €2.44 biljun. Dan l-ammont sostanzjali jirrappreżenta żieda ta’ madwar €1 biljun fuq l-ammont tal-perjodu ta’ qabel. Din hi aħbar tajba għall-industrija kulturali u kreattiva, iktar u iktar għaliex dan is-settur kien wieħed mis-setturi l-aktar milquta mir-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-COVID19. L-investiment tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam hu maħsub biex jagħti mbuttatura lill-industriji fis-settur kulturali u kreattiv Ewropew billi jagħmilhom aktar kompetittivi mal-bqija tal-industriji barra l-Unjoni Ewropea.

Ewropa Kreattiva jappoġġja inizjattivi li jtejbu u jagħnu l-koperazzjoni artistika u kulturali permezz ta’ proġetti li jġibu flimkien organizzazzjonijiet f’dan il-qasam, li jiżviluppaw aspetti innovattivi fl-industrija u li jappoġġjaw il-promozzjoni u t-tixrid tal-kultura u tal-arti kreattiva kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm lil hinn minnha.

Dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea jgħinu wkoll l-industrija tal-films Ewropea u l-industriji awdjoviżivi. Fil-fatt, Ewropa Kreattiva jiffinanzja proġetti għall-iżvilupp tal-films u t-TV, għall-qsim tal-informazzjoni u l-koperazzjoni bejn industriji fil-qasam awdjoviżiv u li jippromwovu t-tixrid ta’ dan it-tip ta’ kontenut bejn il-pajjiżi.

Il-programm ta’ fondi Ewropa Kreattiva jista’ jkun ta’ opportunità tajba għal organizzazzjonijiet u intrapriżi Maltin biex jidħlu għal proġetti li forsi ilhom joħolmu dwarhom. Opportunitajiet bħal dawn isaħħu kemm l-organizzazzjoni u l-intrapriża u kemm is-settur artistiku u kulturali f’Malta u Għawdex.

L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) qiegħda hemm proprju biex tassisti lil dawn l-organizzazzjonijiet u intrapriżi biex jiżviluppaw proġetti li jistgħu jiġu finanzjati minn dawn il-fondi, skont il-kriterji tal-programm u tgħinhom fil-proċess tal-applikazzjoni għalihom. Ladarba l-proġett jikseb il-fondi, SEM tgħin ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġett billi tiggwida lill-benefiċjarji jimxu ma’ dak li jkun mistenni minnhom u biex jegħlbu xi ostakli li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

Għal iktar informazzjoni dwar il-programm ta’ fondi Ewropea Kreattiva u dwar is-servizzi bla ħlas li toffri SEM, il-kuntatti huma 2779 7300, info.sem@gov.mt jew is-sit elettroniku sem.gov.mt.