Fondi Ewropej għat-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi

Artiklu miktub minn Rebecca Zammit, Uffiċjal Eżekuttiv, Servizzi Ewropej f’Malta – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Is-setturi kulturali u kreattivi kienu fost dawk li ħadu l-ikbar daqqa mill-pandemija tal-COVID-19, minħabba li ħafna mill-attivitajiet f’dawn l-oqsma jiddependu fuq udjenza fiżika. Il-kriżi enfasizzat ukoll il-vulnerabbiltà ta’ dawk li jaħdmu f’dawn is-setturi. Għaldaqstant, il-Covid-19 serviet biex titqajjem iżjed kuxjenza dwar l-importanza tas-setturi kulturali u kreattivi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

F’dan il-kuntest, għall-perjodu 2021-2027, l-Unjoni Ewropea ddedikat baġit ta’ €2.44 biljun għall-Programm ta’ Fondi bl-isem ‘Ewropa Kreattiva’, li joffri opportunitajiet utli ta’ fondi biex dawn is-setturi mhux talli jerġgħu jqumu fuq saqajhom, iżda saħansitra biex jissaħħu u jkunu iktar preparati għar-realtajiet ġodda tas-seklu wieħed u għoxrin.

Dan il-programm ta’ fondi jiġbor dawk l-inizjattivi kollha fuq livell Ewropew li jappoġġjaw lis-setturi kulturali u kreattivi. Dawn is-setturi jinkludu varjetà estensiva ta’ industriji differenti bħal dawk awdjoviżivi (bħal films, it-televiżjoni, il-logħob elettroniku u l-multimedia), il-mużika u l-letteratura, fost industriji oħra.

Il-qofol tal-programm huwa li jħeġġeġ u jappoġġja atturi fl-industriji kulturali, kreattivi u awdjoviżivi madwar l-Ewropa biex jaħdmu id f’id, jaqsmu r-riżorsi tagħhom flimkien, u b’ hekk jilħqu udjenzi internazzjonali ġodda.

Dan l-istess programm ta’ fondi jinvesti wkoll fid-diġitalizzazzjoni tal-industriji kreattivi u kulturali, jippromwovi t-tranżizzjoni tagħhom għall-ekonomija ekoloġika, waqt li jsiru aktar inklussivi.

Il-programm għandu żewġ għanijiet ewlenin: li jissalvagwardja, jiżviluppa, u jippromwovi id-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, u;  jappoġġja l-potenzjal ekonomiku u l-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, b’ mod partikolari s-settur awdjoviżiv.

Il-programm Ewropa Kreattiva huwa maqsum fi tliet sotto-programmi: il-fergħa (strand) tal-Kultura; il-fergħa tal-MEDIA; u l-fergħa transsettorjali (cross-sectoral).

Il-fergħa tal-Kultura tagħti opportunitajiet ta’ fondi għal proġetti ta’ koperazzjoni transnazzjonali, it-twaqqif ta’ networks ta’ organizzazzjonijiet professjonali, u l-promozzjoni ta’ artisti u xogħlijiet Ewropej.

Il-fergħa tal-MEDIA tħares lejn l-industriji awdjoviżivi u tal-films. Għaldaqstant proġetti taħt din il-fergħa għandhom iwasslu sabiex jinħolqu xogħlijiet ta’ kwalità għolja permezz ta’ kollaborazzjoni u innovazzjoni fuq livell internazzjonali. Il-fergħa tal-MEDIA toffri wkoll opportunitajiet biex tissaħħaħ l-industrija Ewropea fuq livell globali permezz ta’ inizjattivi li jipromwovu l-innovazzjoni u l-kompetittività, biex tiżdied l-aċċessibbiltà u l-viżibbiltà tax-xogħlijiet kulturali għal udjenzi ikbar,  u kif ukoll biex jinħolqu diskussjonijiet ta’ politika, studji u rapporti.

L-aħħar fergħa, dik transsettorjali, tappoġġja l-isfidi u l-opportunitajiet komuni għas-setturi kulturali u kreattivi. Din il-fergħa tħares lejn il-koperazzjoni politika transnazzjonali, it-twaqqif ta’ laboratorji tal-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media, il-kwalità tal-ġurnaliżmu u l-pluraliżmu.

Permezz ta’ dan il-programm, diversi organizzazzjonijiet differenti li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi jistgħu jiksbu fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom. Minn dawn il-fondi jistgħu jibbenefikaw organizzazzjonijiet minn kwalunkwe Stat Membru tal-UE, pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati għal sħubija fl-UE.

L-ewwel sejħiet għall-proġetti taħt dan il-programm fetħu f’Ġunju 2021. Bħalissa nsibu 21 sejħa miftuħa għal diversi proġetti, bid-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ proposti għal proġetti jvarjaw bejn Awwissu u Novembru ta’ din is-sena.

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tgħin lil diversi entitajiet, fosthom l-għaqdiet volontarji, biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom u jissottomettu l-applikazzjoni neċessarja. Min jixtieq jista’ wkoll jikseb l-għajnuna ta’ SEM fl-implimentazzjoni ta’ proġetti finanzjati mill-UE.

Jekk l-organizzazzjoni tiegħek tixtieq taċċessa fondi taħt il-programm Ewropa Kreattiva, jew tixtieq aktar tagħrif dwar fondi tal-UE u l-għajnuna li tista’ toffrilek l-Aġenzija SEM, tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt.