Fondi tal-UE biex jingħelbu l-isfidi tar-reġjuni fl-Ewropa

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE tappoġġja inizjattivi u proġetti fir-reġjuni differenti tal-Istati Membri tal-UE biex inaqqsu d-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali ta’ bejniethom, waqt li jżommu l-identità tagħhom. B’hekk, ir-reġjuni fl-UE, li minnhom hemm ‘l fuq minn 240, ikun aktar possibbli għalihom li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, filwaqt li jtejbu l-istandards tal-għajxien u l-prosperità ta’ dawk li jgħixu fihom.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-UE mhux biss għandha miri ċari, imma wkoll programmi ta’ finanzjament li jwettqu fil-prattika din il-koeżjoni. Permezz tal-programm ta’ fondi msejjaħ Interreg Europe, l-UE tappoġġja proġetti ta’ koperazzjoni bejn reġjuni differenti biex jindirizzaw b’mod konġunt sfidi komuni u jsibu soluzzjonijiet komuni f’oqsma bħas-saħħa, l-ambjent, ir-riċerka, l-edukazzjoni, it-trasport u l-enerġija sostenibbli.

Il-programm Interreg Europe huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE, b’€379 miljun allokati għall-perjodu tal-programm il-ġdid għall-2021-2027. Din l-assistenza finanzjarja tħeġġeġ lir-reġjuni Ewropej ta’ 29 nazzjon (UE27, in-Norveġja u l-Isvizzera) biex jaqsmu l-aħjar prattiki u jitgħallmu minn xulxin dwar dak li jaħdem l-aħjar.

Permezz ta’ dawn il-proġetti, l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali minn madwar l-Ewropa jingħaqdu flimkien biex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom dwar il-politika pubblika fil-prattika, u għalhekk itejbu l-istrateġiji għaċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħhom.

Interreg Europe għalhekk huwa miftuħ prinċipalment għal entitajiet pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali, iżda wkoll entitajiet bħal istituti ta' riċerka u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Matul il-programm ta’ finanzjament ta’ qabel għall-2014-2020, intgħażlu 258 proġett għall-finanzjament madwar l-Ewropa, li 17 minnhom kienu jinkludu msieħba Maltin (madwar 7%). Minn hawn wieħed jista’ jkun jaf aktar dwar dawn il-proġetti.

L-ewwel eżempju ta’ proġett finanzjat minn dan il-programm huwa l-proġett Design4Innovation – kollaborazzjoni bejn tmien imsieħba Ewropej biex jgħinu negozji żgħar u medji joħorġu bi prodotti u servizzi innovattivi u b’hekk ikunu aktar kompetittivi u jkabbru l-operat tagħhom. Dan il-proġett irnexxielu jwassal għal aktar minn €13.6m ta’ investiment ġdid fl-iddisinjar, li minnhom ibbenefikaw direttament aktar minn 620 negozju żgħir u ħafna aktar indirettament. Fost inizjattivi oħra, il-proġett irnexxielu jwassal għall-ħolqien tal-Valletta Design Cluster – spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva, li huwa ċċentrat madwar l-użu tiegħu minn nies lokali u b’tagħlim ta’ proġetti simili f’reġjuni oħra.

Eżempju ieħor huwa eBussed - proġett li jappoġġja l-użu tal-karozzi tal-linja elettriċi u l-espansjoni tal-flotot elettriċi eżistenti f'reġjuni ġodda. Dan il-proġett ippermetta lill-entitajiet Maltin jitgħallmu minn imsieħba oħra, li qasmu r-realtajiet u d-diffikultajiet assoċjati mal-introduzzjoni ta’ karozzi tal-linja elettriċi fuq skala kbira. Dan il-proġett sewa għall-iżvilupp ta’ proġett ta’ Pjan ta’ Azzjoni għal Għawdex li kien jinvolvi l-aġġornament tal-Istrateġija ta’ Żvilupp Reġjonali ta’ Għawdex 2021–2030 u l-bidu tat-tranżizzjoni għal flotta tal-karozzi tal-linja elettriċi f’Għawdex.

Il-programm il-ġdid 2021-2027 ikopri sitt suġġetti li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet kollha tal-UE, jiġifieri Ewropa aktar intelliġenti, Ewropa aktar ekoloġika, Ewropa aktar konnessa, Ewropa aktar soċjali, Ewropa aktar qrib taċ-ċittadini, u Governanza reġjonali aħjar. Aktar tagħrif dwar dawn il-prijoritajiet jinsab hawn.

Għal Malta, taħt l-ewwel sejħa għal proposti ta’ proġetti tal-programm il-ġdid, ġew approvati żewġ proġetti għal finanzjament minn fondi Ewropej.

Notevolment, it-tieni sejħa għal proġetti ta’ koperazzjoni interreġjonali issa hija miftuħa sad-9 ta’ Ġunju 2023 f’nofsinhar. It-termini ta' referenza, il-manwal tal-programm u l-formola tal-applikazzjoni jinsabu hawn.

Għal aktar informazzjoni dwar dan il-programm ta’ finanzjament tal-UE jew kwalunkwe ieħor, tista’ tikkuntattjana permezz ta’ email fuq info.sem@gov.mt jew telefonata fuq 2779 7300.