Fondi tal-UE għal binjiet iktar effiċjenti

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Wieħed mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna kien il-ħtieġa akbar li jitnaqqas il-konsum u li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Għalkemm kellha tkun din is-sitwazzjoni negattiva biex jitgħaġġel il-proċess u jittieħdu ċerti azzjonijiet dwar il-provvista tal-enerġija fl-Ewropa, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ilha s-snin fuq l-aġenda tal-UE.

Ħafna semgħu bil-Patt Ekoloġiku Ewropew jew il-European Green Deal - pjan komprensiv tal-UE li l-Istati Membri kkommettew għalih biex jilħqu n-newtralità tal-klima sal-2050. Fi kliem sempliċi, in-newtralità tal-klima tintlaħaq meta jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra sal-punt li l-ammont totali tal-emissjonijiet jiġi bilanċjat mal-ammont tal-emissjonijiet li jkunu qegħdin jintefgħu fl-arja.

Meta nitkellmu dwar il-gassijiet b’effett serra, malajr jiġina f’moħħna t-tniġġis mill-karozzi u mezzi oħra ta’ trasport. Waqt li dan huwa minnu, 75% tal-emissjonijiet b’effett serra fl-UE jiġu mill-produzzjoni u l-użu tal-enerġija. Biex l-UE u l-Istati Membri jilħqu n-newtralità tal-klima, huwa kruċjali li nimxu lejn il-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija nadifa. Din it-tranżizzjoni għandha twassal biex jitnaqqas it-tniġġis mill-emissjonijiet b’effett serra u titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Biex jinkiseb l-għan aħħari ta’ din it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, l-UE tat prijorità lil azzjonijiet li jġibu l-effiċjenza fl-enerġija, fosthom billi tnaqqas il-ħela tal-enerġija fit-tisħin, it-tkessiħ, u d-dwal fil-binjiet.

Waħda mill-ħafna miżuri li nistgħu nieħdu biex ikollna binjiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, hija li niżguraw li l-binjiet ikollhom insulazzjoni tajba li żżomm is-sħana ġewwa jew barra tal-bini, skont il-każ. Aspett ieħor huwa l-istallazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħal air conditioners effiċjenti u apparat li jżomm il-konsum tal-enerġija baxx.

Waqt li miżuri bħal dawn jistgħu jittieħdu f’binjiet ġodda, mhux dejjem faċli li jiġu applikati f’binjiet eżistenti jew li ilhom mibnijin, minħabba li l-ispejjeż huma kbar. Iktar iva milli le, sidien tad-djar u negozji ma jifilħux għal dawn l-ispejjeż waħidhom.

Hawn jidħlu l-fondi tal-UE, li jgħinu biex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkunu f’qagħda aħjar li jimxu lejn użu akbar ta’ enerġija nadifa u jgħinu l-investimenti f’binjiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu biex l-UE tilħaq in-newtralità tal-klima.

F’Malta għandna ħafna binjiet li mhumiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-fondi tal-UE jistgħu jintużaw biex ikopru parti mill-ispiża ta’ dawn ir-rinnovazzjonijiet.

Bħalissa hija miftuħa skema għar-rinnovazzjoni ta’ binjiet tas-settur privat. L-għan ta’ din l-iskema hu li tgħin lin-negozji biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija effiċjenti f’binjiet kummerċjali. L-iskema tgħin intrapriżi mikro, żgħar, medji u kbar biex jekk ikunu eliġibbli, jingħataw fondi biex ikopru parti mill-ispejjeż marbuta ma’ dawn it-tip ta’ rinnovazzjonijiet li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni u d-dwal. B’hekk jitnaqqsu wkoll l-ispejjeż marbuta mal-konsum tal-enerġija u fl-aħħar mill-aħħar iżidu d-dħul tagħhom.

Dawk li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar din l-opportunità ta’ fondi, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) se torganizza sessjoni online ta’ informazzjoni, li matulha tingħata l-informazzjoni teknika u kif SEM tista’ tgħin fl-applikazzjonijiet għal din l-iskema.

Is-sessjoni online ta’ informazzjoni se ssir il-Ħamis, 16 ta’ Marzu fis-2pm. Iktar informazzjoni dwarha u biex tirreġistra trid tidħol fil-paġna elettronika ta’ SEM jew tibgħat email lil info.sem@gov.mt.