Fondi tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri Ewropej

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Dak kollu li tagħmel l-Unjoni Ewropea hu bbażat fuq sett ta’ drittijiet u valuri li huma mħaddna mill-Istati Membri. Dawn il-valuri jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-persuna, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni, il-ġustizzja, u l-ħarsien tad-drittijiet umani, inklużi dawk tal-minoranzi. L-Istati Membri huma marbuta bit-trattati u l-liġijiet li ffirmaw huma stess biex iħarsu u jippromwovu dawn il-valuri.

Minbarra li dawn il-valuri huma riflessi f’dak kollu li tagħmel l-UE, huma wkoll appoġġjati minn finanzjament ta’ proġetti li jgħinu fit-twettiq fil-prattika ta’ dawn il-valuri. Fost proġetti li l-UE tiffinanzja nsibu dawk favur l-ugwaljanza, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni f’kull forma tagħha, il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza fuq it-tfal, id-diskors u r-reati ta’ mibegħda. Il-fondi tal-UE jiffinanzjaw ukoll inizjattivi ta’ gruppi ta’ ċittadini li jieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar l-Ewropa u l-istorja tagħha u biex jieħdu sehem attiv fis-sistema demokratika u t-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Il-programm ta’ fondi tal-UE, ‘Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri’ (CERV) jiffinanzja proġetti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ soċjetajiet miftuħa, demokratiċi, ugwali, inklussivi u li jirrispettaw id-drittijiet b’ġustizzja.

Eżempju ta’ proġett lokali finanzjat mill-programm ta’ fondi tal-UE, CERV se jitwettaq mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Permezz tal-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f'Malta (SEM), il-Ministeru kiseb għotja ta’ €155,000 biex iwettaq proġett li jtejjeb il-parteċipazzjoni tat-tfal fit-tfassil tal-politika. L-idea hi li t-tfal jingħataw l-għodda u l-opportunitajiet li jieħdu sehem aktar attiv fil-proċess demokratiku f’Malta u jagħmilha aktar faċli għalihom li jinfluwenzaw deċiżjonijiet li jaffettwawhom.

Sitt kunsilli lokali f’Malta u Għawdex, kienu riċentement megħjuna minn SEM biex jiksbu fondi tal-programm CERV għal ġemellaġġi li jinvolvu b’mod aktar attiv liċ-ċittadini, ilaqqgħuhom ma’ ċittadini oħrajn Ewropej f’pajjiżi oħra u jibnu ħbiberiji u għarfien akbar ta’ xulxin.

Il-programm ta’ fondi CERV jagħmilha possibbli għal kunsilli lokali, intrapriżi, entitajiet governattivi, NGOs u skejjel biex iwettqu peoġetti li jippromwovu l-paċi, il-prosperità u l-istabbiltà madwarhom u fid-dinja.

B’mod iktar dirett, il-fondi tal-UE jistgħu jgħinu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħhom favur il-komunità LGBTIQ+, l-immigranti u t-tfal, fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, speċjalment kontra n-nisa u t-tfal, u l-prevenzjoni minn diskors u reati ta’ mibegħda. Entitajiet u organizzazzjonijiet differenti jistgħu wkoll jiksbu fondi biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza.

Entitajiet privati u pubbliċi jistgħu wkoll japplikaw għall-fondi tal-UE biex jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni fil-post tax-xogħol permezz ta’ proġetti li jgħinu lil kuħadd, hu min hu, iħossu involut u appoġġjat fi kwalunkwe qasam tax-xogħol.

Kull min hu interessat jidħol għal xi proġett li jippromwovi l-valuri tal-UE, jista’ jikkuntattja lil SEM kemm għall-iżvilupp tal-proġett, fl-applikazzjoni u wara wkoll fl-implimentazzjoni.

Il-kuntatti ta’ SEM huma 2779 7300, info.sem@gov.mt, jew mill-website FONDI.eu.