Iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 tal-Unjoni Ewropea

Artiklu minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach ta’ Servizzi Ewropej f’Malta – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex jinħoloq ċertifikat li jiffaċilita l-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea matul il-pandemija tal-COVID-19 u li jkun applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Iċ-ċertifikat se jgħin biex jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet li huma fis-seħħ bħalissa, ikunu jistgħu jitneħħew b’mod koordinat.

Dan iċ-ċertifikat hu mistenni jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju, fl-Istati Membri kollha permezz ta’ Regolament tal-Unjoni Ewropea, wara li fl-20 ta’ Mejju ntlaħaq qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċertifikat se jkun qiegħed jinħareġ fi tliet verżjonijiet li jiċċertifikaw tliet affarijiet: li l-persuna tlaqqmet kontra l-COVID-19, jew li rċeviet riżultat negattiv tat-test, jew li rkuprat mill-COVID-19. Iċ-ċertifikati jingħataw bla ħlas, bil-lingwa nazzjonali u bl-Ingliż, u b’rispett sħiħ lejn il-protezzjoni tad-data.

L-awtoritajiet nazzjonali se jkunu responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati, li jistgħu jingħataw kemm f’forma stampata u kemm f’forma diġitali. Iċ-ċertifikati jkun fihom kodiċi QR biex jinqara diġitalment, b’siġill li jiżgura li ċ-ċertifikat ikun awtentiku u ma jkunx falsifikat. Il-verifika ssir permezz ta’ portal, li ġie żviluppat għal dan il-għan mill-Kummissjoni Ewropea. Bħalissa l-Istati Membri qegħdin jippruvaw is-sistema biex ikunu jistgħu jużawha meta jkun il-waqt. Permezz ta’ dan il-portal, il-firem kollha taċ-ċertifikati jkunu jistgħu jiġu vverifikati fl-Unjoni Ewropea kollha. Id-data personali kkodifikata fiċ-ċertifikat la tinżamm u lanqas tiġi mgħoddija lil terzi persuni jew awtoritajiet, peress li mhix meħtieġa għall-verifika tal-firma diġitali. Il-Kummissjoni se tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw software li l-awtoritajiet jistgħu jużaw biex jiċċekkjaw il-kodiċijiet QR.

Meta dawk li jkollhom dan iċ-ċertifikat jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea, ikollhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li jkunu qegħdin iżuru u li jkunu ħadu t-tilqim, ittestjaw fin-negattiv, jew fiequ mill-virus. Iċ-ċertifikat diġitali jista’ juri wkoll ir-riżultati tal-ittestjar, li ta’ spiss huma meħtieġa skont ir-restrizzjonijiet applikabbli tas-saħħa pubblika.

Iċ-ċittadini li jkunu għadhom ma tlaqqmux, xorta se jkunu jistgħu jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea, għax dan hu dritt fundamentali. Madankollu, l-Istati Membri se jibqa’ jkollhom id-dritt li jimponu t-test jew kwarantina fuq persuni li jaslu minn Stati Membri oħra, jekk ikun meħtieġ u jekk ikun ġustifikat, wara li jkunu kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Iċ-ċertifikati se jinkludu biss sett limitat ta’ informazzjoni meħtieġa. Din ma tistax tinżamm mill-pajjiżi li wieħed ikun qiegħed iżur. Għal finijiet ta’ verifika, jiġu ċċekkjati biss il-validità u l-awtentiċità taċ-ċertifikat u dan isir billi jiġi vverifikat min ikun ħareġ u ffirma ċ-ċertifikat. Id-data kollha dwar is-saħħa tibqa’ għand l-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tara li ċ-ċertifikati li joħorġu l-Istati Membri jiġu aċċettati bl-istess mod li jkunu qegħdin jaħdmu ċ-ċertifikati nazzjonali.

L-inizjattiva taċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea hija miftuħa għal inizjattivi oħra li qegħdin jittieħdu minn organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tiżgura li ċ-ċertifikati jkunu kompatibbli wkoll ma’ pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Dawn qed ikunu mħeġġa jirrikonoxxu ċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea meta jkunu qegħdin jerħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li mhux essenzjali. Fil-fatt, iċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu ta’ eżempju għal ċertifikati li qegħdin jiġu żviluppati minn pajjiżi oħra.

It-tliet verżjonijiet taċ-ċertifikat – li l-persuna tlaqqmet kontra l-COVID-19, jew li rċeviet riżultat negattiv tat-test, jew li rkuprat mill-COVID-19 – jibqgħu jinħarġu sakem l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tibqa’ tiddikjara l-pandemija tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika.