Il-Fondi tal-UE għal Malta iktar moderna, reżiljenti u sostenibbli

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

It-€2.2 biljun fondi tal-UE għal Malta għas-snin 2021-2027, imnedija mill-gvern waqt konferenza nazzjonali din il-ġimgħa, ser jiġu investiti f’diversi setturi, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, l-enerġija, l-ambjent sostenibbli, u l-anzjanità attiva. Dawn is-setturi ġew identifikati bħala prijoritajiet li jiżguraw id-diversifikazzjoni tal-provista tal-enerġija f’Malta, l-investiment fir-riżorsi umani, id-diġitalizzazzjoni (b’mod partikolari l-SMEs), spazji ħodor u l-bidla għal ekonomija ċirkolari u li tniġġes anqas.

Għawdex se jingħata attenzjoni partikolari billi mill-inqas 10% tal-fondi jkunu aktar aċċessibbli biex jintefqu għall-iżvilupp urban sostenibbli f’Għawdex.

Il-fondi tal-UE se jiġu investiti fi proġetti skont prijoritajiet tal-UE u nazzjonali li huma mniżżla fl-hekk imsejħa ‘programmi operattivi’. Iktar minn €954 miljun se jkunu indirizzati lejn proġetti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jiffinanzja skemi ta’ effiċjenza fl-enerġija għan-negozji u residenzi privati, faċilitajiet tal-kura tas-saħħa (inkluż sptar għas-saħħa mentali akuta), it-tieni interconnector ma’ Sqallija u investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fost l-oħrajn.

Flus mill-Fond ta’ Koeżjoni se jiġu investiti fit-trasport urban sostenibbli u fl-ekonomija ċirkulari bħall-immaniġġjar tal-iskart.

Iktar minn €33 miljun mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jkunu investiti fil-bidla għal ekonomija newtrali għall-klima u proġetti ta’ shore-to-ship li bihom ma jkunx hemm għalfejn li l-vapuri fil-portijiet jibqgħu fuq il-magni. Dan se jwassal biex il-Port il-Kbir u l-Freeport ikunu ħielsa mit-tniġġis.

Iktar minn hekk, il-fondi allokati għal Malta mhux se jkunu investiti biss fi proġetti kbar ta’ infrsatruttura, imma wkoll fin-nies. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus, li minnu Malta se tieħu €205 miljun, jinvesti fil-kapital uman, bi skemi għall-impjiegi u t-taħriġ, boroż ta’ studju, metodi innovattivi ta’ tagħlim u għodda diġitali għat-tagħlim, u fl-innovazzjoni soċjali.

Is-settur tal-biedja se jingħata €167 miljun f’fondi mill-Politika Agrikola Komuni, li minnhom madwar €18.1 miljun imorru għal qligħ aħjar lill-bdiewa u €4.9 miljun lill-bdiewa żgħażagħ.

€31.2 miljun huma allokati lil Malta mill-Fond Ewropew għall-Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura li jappoġġja s-sajd sostenibbli, il-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar u l-akkwakultura sostenibbli.

Messaġġ ewlieni li ħareġ waqt it-tnedija tal-fondi kien l-impenn tal-Gvern li jiffaċilita li l-fondi jkunu aktar aċċessibbli għal kulħadd kemm bis-simplifikazzjoni tal-proċessi ta’ applikazzjoni, bit-tnaqqis tal-burokrazija fl-użu tal-fondi u bl-informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-UE.

Waħda mill-azzjonijiet li diġà ttieħdu hija li fejn jidħlu l-fondi tal-UE, tnediet website ġdida ‘fondi.eu’ li ġġib flimkien f’post wieħed l-informazzjoni dwar il-fondi, opportunitajiet kurrenti u fejn wieħed jingħata assistenza.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija l-aġenzija tal-gvern li qiegħda sservi ta’ one-stop-shop fejn tidħol l-assistenza lil entitajiet pubbliċi u privati u individwi li huma interessati li japplikaw għall-fondi tal-UE li jinfetħu minn żmien għal żmien.

SEM tipprovidi l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ fondi, tagħti għajnuna personalizzata fil-proċess ta’ applikazzjoni għall-fondi Ewropej u tiggwida fejn meħtieġ fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

Il-kuntatti ta’ SEM huma 2779 7300, info.sem@gov.mt jew mill-website sem.gov.mt.