Il-futur tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea għal soċjetà iktar ġusta

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-Unjoni Ewropea, sa minn qabel il-pandemija diġà kienet qiegħda tħares lejn futur sostenibbli għall-kontinent bit-tfassil ta’ miri ambizzjużi u bl-oġġettiv ewlieni li sas-sena 2050 l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Dan jista’ jintlaħaq billi ssir tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’investiment qawwi ta’ biljuni ta’ ewro f’teknoloġiji li jtejbu l-użu effiċjenti tal-enerġija, fil-qalba għal ekonomija ċirkulari li tuża u tirriċikla r-riżorsi, jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis u l-ħsara lill-ambjent b’azzjonijiet konkreti favur il-klima.

Bla dubju, din it-tranżizzjoni se ġġib numru ta’ tibdiliet fil-qasam tax-xogħol, minħabba li biex isseħħ, se jkun hemm bżonn ta’ ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda u modi differenti ta’ kif naħdmu. Hu importanti li, waqt li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet meħtieġa għal impjiegi li dejjem javvanzaw u jinbidlu, is-suq tax-xogħol ikompli jikber fl-innovazzjoni u l-kwalità. Fl-istess ħin għandha tibqa’ tkun imħarsa l-protezzjoni soċjali kemm tal-ħaddiema nfushom, tal-familji tagħhom u l-bqija tas-soċjetà. 

Dan is-suġġett se jkun diskuss f’laqgħa pubblika onlajn li se tkun organizzata minn Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) nhar il-Ħamis 14 ta’ Ottubru fil-5pm.

Il-laqgħa hija t-tielet minn serjet ta’ laqgħat bit-tema, ‘L-Ewropa li nixtieq’, li l-għan tagħhom hu li f’Malta, bħal fil-bqija tal-Unjoni Ewropea jkun hawn dibattitu u parteċipazzjoni attiva f’inizjattiva msejħa Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Fil-laqgħa, numru ta’ kelliema li jmissu kuljum mad-dinja tax-xogħol u ma’ realtajiet soċjali ta’ kull tip, jiddiskutu l-implikazzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol fis-snin li ġejjin. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jieħu sehem onlajn billi jirreġistra bl-email li jinsab fl-aħħar ta’ dan l-artiklu.

M’hemmx dubju li l-Unjoni Ewropea għandha standards għoljin ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema, iżda forom ġodda ta’ impjiegi u realtajiet ġodda fis-swieq tax-xogħol, joħolqu sfidi ġodda li jeħtieġ jiġu indirizzati. Fost dawn insibu sfidi marbuta man-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti oqsma tal-impjiegi, l-iżbilanċ li għadu jeżisti bejn l-impjiegi tan-nisa u tal-irġiel li jagħmlu l-istess xogħol, in-nuqqas ta’ ħiliet għal impjiegi li qegħdin isiru dejjem aktar speċjalizzati, il-bilanċ bejn il-ħajja privata u tal-familja u dik tax-xogħol, u l-kundizzjonijiet ħżiena f’ċerti tipi ta’ impjiegi.

Huwa fatt li qegħdin ngħixu f’soċjetà li dejjem qed tikber fl-età u kulma jmur, in-numru ta’ ħaddiema li jagħmlu tajjeb għall-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali dejjem jonqos, waqt li jiżdiedu n-numri ta’ dawk li jirtiraw. Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li kulma jmur qed ikollna realtajiet ġodda ta’ faqar. Għalhekk irid ikun żgurat li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ssir f’kuntest fejn l-impjiegi, il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-protezzjoni soċjali, jimxu id f’id, kemm għal dawk li huma fid-dinja tax-xogħol u kemm għal dawk li mhumiex.

Kien għalhekk li l-Unjoni Ewropea trid tkompli tissaħħaħ bħala Unjoni aktar inklussiva u aktar ġusta. Trid tkompli tibni fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li ġie adottat erba’ snin ilu u li fih stabbiliet numru ta’ prinċipji u drittijiet ewlenin għal kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien aħjar, biex ikollna Unjoni Ewropea aktar ġusta u inklussiva.

Kull min ikun interessat jieħu sehem fid-diskussjoni onlajn tal-14 ta’ Ottubru jew jixtieq ikun jaf aktar dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, jibgħat email lil info.sem@gov.mt jew iċempel 2200 3300.