Insaħħu d-djalogu soċjali f’Malta

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) applkat b’suċċess biex tikseb fondi min-Norveġja għal proġett li jgħin biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta. Permezz ta’ dawn il-fondi, taħt il-programm, ‘Djalogu Soċjali – Xogħol Diċenti’, seta’ jsir studju li jqabbel il-mudell tad-djalogu soċjali fin-Norveġja, ma’ dak imħaddem f’Malta. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju, ġew preżentati lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għad-djalogu soċjali, Carmelo Abela, waaqt business breakfast għall-imsieħba soċjali, rppreżentanti tal-gvern u tas-soċjetà ċivili.

SEM daħlet għal dan il-proġett peress li hija waħda mill-entitajiet ewlenin li tiffaċilita u tippromwovi d-djalogu soċjali f’Malta. Dan tagħmlu permezz tat-tixrid tal-informazzjoni dwar proposti ta’ politiki u ta’ liġijiet fl-Unjoni Ewropea u wkoll permezz ta’ laqgħat bejn l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex jiddiskutu ma’ rappreżentanti tal-gvern dawn il-proposti.

Il-proġett ta’ SEM biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta kien jikkonsisti f’laqgħat virtwali ma’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali Norveġiżi li jirrappreżentaw il-unions tal-ħaddiema, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk li jirrappreżentaw il-gvern lokali u reġjonali. F’dawn il-laqgħat ksibna tagħrif dwar kif jaħdem il-mudell tad-djalogu soċjali fin-Norveġja. Wara dawn il-laqgħat sar studju komparattiv minn MISCO International, biex setgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu applikati f’Malta bl-għan li jissaħħaħ id-djalogu soċjali bejn il-gvern, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Minn dan il-proġett ħarġu numru ta’ differenzi ewlenin li jiddeterminaw il-bażi ta’ żviluppi li jistgħu jsiru fid-djalogu soċjali f’Malta. L-ewwel nett, il-mudell tad-djalogu soċjali fin-Norveġja għandu storja ta’ mitt sena, waqt li dak f’Malta għandu storja ta’ tletin sena. Dan il-fattur juri li d-djalogu soċjali f’Malta għadu pjuttost fi stadju fejn jistgħu jsiru żviluppi għall-ġid tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem u għs-soċjetà inġenerali.

It-tieni differenza hi li waqt li l-mudell Norveġiż huwa pjuttost ristrett għal tliet partijiet – il-gvern, il-unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, f’Malta id-djalogu soċjali jinvolvi wkoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

It-tielet differenza hi li waqt li fin-Norveġja, il-partijiet jittrattaw materji relatati max-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema, f’Malta d-diskussjonijiet jinkludu ħafna iktar suġġetti wiesgħa minn dawk ekonomiċi, għaliex jinkludu aspetti soċjali, fost oħrajn. Differenza oħra hi li waqt li fin-Norveġja, id-djalogu soċjali hu xprunat mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, dak f’Malta hu normalment xprunat mill-gvern.

Abbażi ta’ dawn id-differenzi, l-istudju li sar bħala parti minn dan il-proġett jirrakkomanda li l-proċess tad-djalogu soċjali f’Malta jimxi lejn aktar involviment tal- imsieħba involuti, iktar milli jkun ibbażat fuq il-qsim tal-informazzjoni.

Rakkomandazzjoni oħra hi li t-triq ‘il quddiem għad-djalogu soċjali f’Malta hija li jkompli jkun pjattaforma tal-bidla għall-aħjar mhux biss fid-dinja tax-xogħol, imma għas-soċjetà inġenerali, biex iġib ‘il quddiem il-kwalità tal-ħajja.

Kwalunkwe mudell ta’ djalogu soċjali li jadotta l-pajjiż, il-partijiet kollha għandhom jaħdmu biex fid-diskussjonijiet li jkollhom u d-deċiżjonijiet li jieħdu jiżguraw li jkunu rilevanti kemm għall-preżent u kemm għall-futur, dejjem fil-kuntest tal-iżviluppi ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi, ambjentali u leġiżlattivi.

Kif stqarr il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, f’kumment li ta wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-proġett ta’ SEM, waqt li f’Malta d-djalogu soċjali huwa b’saħħtu u jagħti r-riżultati, jeħtieġ li l-partijiet kollha jkomplu jevalwaw u jaraw kif jinstabu modi ħalli d-djalogu soċjali jittejjeb biex ikun ta’ benefiċċju akbar għall-pajjiż.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett u r-rapport tiegħu, tista’ tikkuntattja lil SEM bl-email info.sem@gov.mt jew bit-telephone 2200 3300.