Ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-Invażjoni fl-Ukrajna
Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont
Sa mill-24 ta’ Frar, meta l-President tar-Russja Vladimir Putin iddeċieda li jinvadi l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex immedjatament tieqaf l-invażjoni militari f’rispett sħiħ lejn l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.
Jumejn wara l-invażjoni, il-mexxejja tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea qablu fuq sanzjonijiet meħtieġa biex jappoġġjaw lill-poplu Ukren. L-ewwel sanzjonijiet kienu l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni Ewropea għall-inġenji tal-ajru kollha reġistrati jew ikkontrollati mir-Russja. Iktar tard ġew projbiti wkoll il-mezzi tax-xandir tal-istat, Russia Today u Sputnik. L-Unjoni Ewropea indirizzat ukoll sanzjonijiet lir-reġim tal-President tal-Belarussja, Lukashenko u lil dawk il-Belarussi li jgħinu lir-Russja, b’pakkett ġdid ta’ miżuri restrittivi fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti bħal prodotti tat-tabakk u l-minerali u l-injam, is-siment, l-azzar, it-tyres u makkinarju.
Banek Russi importanti ġew esklużi mis-sistema SWIFT, li biha jsiru tranżazzjonijiet bankarji fid-dinja. L-Unjoni Ewropea qed tipprojbixxi wkoll it-tranżazzjonijiet tal-bank ċentrali tar-Russja u se tiffriża l-assi kollha tiegħu, flimkien mal-assi tal-oligarki Russi biex ma tħallix li jiffinanzjaw il-gwerra ta’ Putin. Dawn is-sanzjonijiet finanzjarji jolqtu 70% tas-suq bankarju Russu u kumpaniji ewlenin tal-Istat. Ġie mnaqqas ukoll l-aċċess għas-swieq fl-Ewropa lil diplomatiċi Russi u nies tan-negozju.
Is-settur tal-enerġija qiegħed jiġi wkoll indirizzat bil-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni mill-Ewropa biex ir-Russja ma tkunx tista’ ttejjeb ir-raffineriji tagħha.
L-Unjoni Ewropea qed tikkoordina mill-qrib l-azzjonijiet tagħha man-NATO, il-G7, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, in-Norveġja, il-Korea t’Isfel, il-Ġappun u l-Awstralja. Hija tapplika s-sanzjonijiet, kemm biex timplimenta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, imma wkoll billi tagħmel sanzjonijiet hi stess. L-iżviluppi qegħdin iseħħu ma’ kull ġurnata, b’laqgħat f’kull livell ta’ tmexxija, fosthom tal-Kunsill Ewropew li ltaqa’ proprju fl-aħħar tal-ġimgħa.
Is-sanzjonijiet lir-Russja u l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-poplu Ukren huma xprunati mit-twemmin li l-aqwa modi kif tiġi indirizzata din il-kriżi huma s-solidarjetà, il-fiduċja u l-libertà, permezz ta’ appoġġ politiku, finanzjarju u umanitarju.
Għaldaqstant, is-sanzjonijiet li tadotta l-Unjoni Ewropea jkunu immirati b’għanijiet speċifiċi, u maħduma b’tali mod li jkunu proporzjonati biex jilħqu r-riżultati meħieġa, ewlieni fosthom li jnaqqsu kemm jista’ jkun il-konsegwenzi ħżiena ta’ azzjonijiet ta’ mexxejja jew stati oħra. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet japplikaw fl-Istati Membri tagħha u jorbtu persuni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew li jagħmlu negozju fi ħdanha.
Dan kollu, l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmlu permezz tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tagħha, li tagħtiha s-setgħa li tintervjeni biex iġġiegħel lit-tmexxija ta’ pajjiż u individwi jew kumpaniji b’saħħithom biex jibdlu r-rotta u jwaqqfu l-azzjonijiet tagħhom. L-Unjoni Ewropea għandha iktar minn 40 reġim ta’ sanzjonijiet li tista’ tapplika fl-ambitu tal-politika barranija tagħha. Dawn is-sanzjonijiet, adottati permezz ta’ liġijiet li jiġu applikati mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mar-Rappreżentant Għoli tagħha għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà.
Lill-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea mhix tappoġġjaha biss bis-sanzjonijiet. L-Unjoni Ewropea tqis lill-Ukrajna bħala sieħeb ta’ prijorità u tappoġġjaha fil-bini ta’ futur stabbli u demokratiku għaċ-ċittadini tagħha. Mill-2014 ’l hawn, b’għajnuna mill-Unjoni Ewropea ta’ aktar minn €17-il biljun, l-Ukrajna bdiet programm ta’ riforma ambizzjuż biex taċċellera t-tkabbir ekonomiku u ttejjeb l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Barra minn hekk, l-UE se tkompli tinvesti fil-futur tal-Ukrajna, permezz ta’ pjan ekonomiku u ta’ investiment li għandu l-għan li jiġġenera sa €6.5 biljun f’investimenti matul is-snin li ġejjin.
Fejn tidħol l-għajnuna umanitarja f’din il-kriżi, il-president tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret fost l-oħrajn li se jingħataw €500 miljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea bħala għajnuna umanitarja lill-Ukrajna. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-ġimgħa li għaddiet approva mekkaniżmu li jagħti protezzjoni immedjata lill-eluf ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati t-talbiet għall-protezzjoni b’mod individwali. L-għan hu li l-persuni konċernati jingħataw drittijiet għal residenza, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-assistenza medika u l-edukazzjoni.
F’dan kollu, l-Unjoni Ewropea qiegħda tpoġġi fil-prattika l-prinċipji li jsawruha, jiġifieri l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-appoġġ lid-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet umani u d-difiża tal-prinċipji tal-liġijiet internazzjonali.