Jum l-Ewropa

Artiklu miktub minn Michela Meli – Uffiċjal Esekuttiv, Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Illum id-9 ta’ Mejju huwa Jum l-Ewropa, jum li fih niċċelebraw l-għaqda u l-prosperità fil-kontinent Ewropew. Kull sena f’dan il-jum infakkru l-ġurnata meta fl-1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman kien għamel dikjarazzjoni li biha stieden lil Franza, lill-Ġermanja u pajjiżi oħra jingħaqdu f’Istituzzjoni Ewropea li tkun ’il fuq minn kull pajjiż individwali msieħeb fiha u li tieħu ħsieb l-industrija tal-faħam u l-azzar, li f’dak iż-żmien kienu l-bażi ta’ kull qawwa militari. Fil-kuntest ta’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, u l-firda li ġabet magħha din il-gwerra, il-ħtieġa għall-għaqda u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa kienet waħda b’saħħitha. Għaldaqstant, il-proposta ta’ Schuman wasslet biex numru ta’ pajjiżi Ewropej ingħaqdu flimkien għal iktar stabbiltà u paċi, li għadna ngawdu s’issa, f’dik li illum hija l-Unjoni Ewropea.

Dak li ġab il-pajjiżi Ewropej flimkien 72 sena ilu, għalkemm għal raġunijiet differenti, qiegħed jerġa’ jkun okkażjoni biex l-Unjoni Ewropea turi fil-prattika li kapaċi twettaq is-solidarjetà li ġiet ibbażata fuqha. L-aħħar 72 sena, filwaqt li ġabu magħhom sfidi mhux żgħar, kienu snin li matulhom l-Unjoni Ewropea kibret u ssaħħet. Tant hu hekk li llum il-ġurnata, l-Unjoni Ewropea hi meqjusa bħala punt ta’ referenza fuq livell globali. Huwa għalhekk ukoll li mal-miġja tal-pandemija tal-COVID-19 u fl-isfond tal-invażjoni tal-forzi Russi fuq l-Ukrajna, kienu bosta dawk li dawru l-ħarsa tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea bit-tama li din tipprovdi assistenza kruċjali f’dan iż-żmien diffiċli u bla preċedent. Fil-fatt, huma bosta l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu, kemm permezz tal-istituzzjonijiet Ewropej u anke bejn l-Istati Membri.

Fil-każ tal-pandemija, l-Unjoni Ewropea għenet biex l-Istati Membri jikkoordinaw ir-rispons nazzjonali tagħhom. Dan jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus u l-isforzi effettivi biex jitrażżan, kif ukoll permezz ta’ miżuri meħuda biex jitnaqqsu l-ħsarat ekonomiċi u soċjali li ġabet magħha l-pandemija. Għenet ukoll fl-irkupru bl-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat mil-Unjoni Ewropea – NextGenerationEU – biex l-Istati Membri joħorġu aktar b’saħħithom mill-pandemija.

L-invażjoni brutali tar-Russja fl-Ukrajna wasslet biex fil-kontinent Ewropew, il-paċi tiġi mhedda u l-gwerra terġa’ tgħolli rasha. Eluf diġà tilfu ħajjithom, miljuni kellhom iħallu djarhom, flimkien mat-theddida li l-kunflitt jinfirex f’aktar pajjiżi fl-Ewropa. Madankollu, il-proġett Ewropew issaħħaħ permezz ta’ azzjonijiet kontra dawn l-attakki. L-Unjoni Ewropea tinsab magħquda fis-solidarjetà tagħha mal-Ukrajna u se tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, permezz ta’ appoġġ politiku, finanzjarju u umanitarju.

Illum, quddiem il-bini tal-Parlament Nazzjonali, fil-Belt Valletta, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) u Europe Direct Valletta qed jorganizzaw attività pubblika li tiċċelebra dan il-jum tant importanti fil-kalendarju tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-attakki fuq l-Ukrajna, din is-sena, iktar qatt qabel, it-tema tal-paċi tispikka. Min-naħa l-oħra, l-attività sservi wkoll biex il-pubbliku jkun jaf aktar dwar il-benefiċċji tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

L-attività qiegħda tittella’ bejn id-9am u s-1pm u dawk li jżuruna jistgħu jiltaqgħu ma’ 14-il entità li joffru servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea u jsibu informazzjoni dwar id-drittijiet, l-obbligi, il-benefiċċji u l-opportunitajiet li l-Unjoni Ewropea għandha għaċ-ċittadini tagħha f’ħafna oqsma differenti.

Waqt din l-attività pubblika se jipparteċipaw ukoll studenti minn skejjel sekondarji li f’Marzu li għadda kellhom l-opportunità jżuru proġetti li qegħdin isiru b’fondi Ewropej. Iż-żjajjar kienu parti minn inizjattiva ‘L-UE fl-iskola tiegħi’ li qiegħda ssir fl-Unjoni Ewropea kollha u li f’Malta qiegħda tkun organizzata bejn id-Diviżjoni għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, SEM u Europe Direct Valletta.

Matul iż-żjajjar, uffiċjali ta’ SEM akkumpanjaw lill-istudenti biex jesperjenzaw il-proġetti, ikunu jafu aktar dwar l-iskop u kif jintefqu l-fondi tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, u wkoll dwar xi tfisser is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Wara ż-żjara, l-istudenti ġew mistiedna jieħdu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpinġija li biha jfissru b’mod artistiku dak li esperjenzaw. Il-kompetizzjoni jisimha, ‘L-Ewropa tiegħi, Malta tiegħi, il-Futur tiegħi’ u l-aħjar 8 sottomissjonijiet huma esibiti llum fl-attività pubblika ta’ Jum l-Ewropa.