Karrieri fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Faith Spearing – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini Maltin kisbu d-dritt li jgħixu u jaħdmu ġewwa kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni. Ħafna ċittadini Maltin matul is-snin eżerċitaw dan id-dritt li jsibu xogħol barra minn xtutna għax jafu li se jkunu trattati bħaċ-ċittadini tal-pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jkunu fih. Barra minn hekk, permezz tas-sħubija, ħafna Maltin ħadu l-opportunità wkoll li jaħdmu ma’ xi istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn forsi ġieli ħasbu li jagħmlu dan. Però x’nifhmu meta ngħidu taħdem mal-Unjoni Ewropea?

L-Unjoni Ewropea toffri diversi opportunitajiet ta’ impjieg mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tagħha. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, u oħrajn, huma bbażati primarjament fi Brussell. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha diversi aġenziji li jwettqu l-ħidma tagħha f’xi qasam speċifiku u li dawn huma stazzjonati fi Stati Membri differenti. Fost dawn, pereżempju, f’Malta nsibu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, li tagħti appoġġ lill-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-immigrazzjoni irregolari u l-protezzjoni internazzjonali.

Kemm jekk taħdem ma’ xi waħda mill-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea, inti jkollok ħafna iktar opportunitajiet, għaliex dawn jaħdmu ħafna nies fihom mill-Unjoni Ewropea kollha u tkun tista’ taħdem f’ambjent iktar dinamiku u ta’ sfida.

Meta taħdem mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, tkun tista’ taħdem fuq kwistjonijiet kurrenti u ewlenin bħal eżempju l-immigrazzjoni u s-sikurezza tal-fruntieri. Barra minn hekk, ikollok is-sodisfazzjon li taħdem biex ittejjeb il-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin fl-Unjoni.

Għalkemm ambjent tax-xogħol bħal dan huwa wieħed impenjattiv u ta’ sfida, l-Unjoni Ewropea tagħti kas ukoll l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, waqt li jiżdidulek l-opportunitajiet li tiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħek, kemm fil-lingwi u kemm fil-qasam professjonali li taħdem fih, sabiex il-karriera dejjem timxi ‘l quddiem. Dan jgħodd kemm biex wieħed jimxi ’l quddiem minn pożizzjoni għal oħra fl-istess istituzzjoni, jew ukoll minn istituzzjoni jew aġenzija għal oħra.

Il-proċess tal-applikazzjoni għal impjieg f’istituzzjoni jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea jvarja skont it-tip ta’ kuntratt. Hemm diversi kategoriji ta’ kuntratti ta’ xogħol - kuntratt permanenti, kuntratt għal żmien definit u kuntratt temporanju. Hemm ukoll apprentistat għal żgħażagħ li għadhom kif gradwaw mill-Università.

Kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt li japplika għal pożizzjoni mal-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Dan naturalment jinvolvi proċess sabiex ikunu jistgħu jintgħażlu l-aħjar applikanti b’mod ġust. Għal kull tip ta’ kuntratt hemm marbuta proċedura ta’ għażla li l-applikanti jkunu jridu jsegwu. Dawn il-proċeduri huma kompetittivi u jirrikjedu l-preparazzjoni għalihom.

Din hija ftit informazzjoni bażika dwar karriera fl-Unjoni Ewropea, imma hemm ħafna aktar x’wieħed ikun jaf. Għaldaqstant, kull min jixtieq ikun jaf aktar dwar l-opportunitajiet ta’ impjieg fl-Unjoni Ewropea, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta ser tkun qed torganizza tliet sessjonijiet ta’ informazzjoni onlajn dwar karrieri fl-Unjoni Ewropea.

F’dawn is-sessjonijiet, dawk li jieħdu sehem ser jingħataw informazzjoni dwar l-opportunitijiet u l-kuntratti tal-impjiegi varji li toffri l-Unjoni Ewropea u dwar il-proċess ta’ applikazzjoni u għażla marbut mal-kuntratti rispettivi.

Uffiċjali Maltin li jaħdmu fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea ser ikunu mistiedna sabiex jaqsmu mal-parteċipanti l-esperjenza tagħhom dwar kif jgħixu u jaħdmu fil-qalba tal-Unjoni Ewropea.

Dawn is-sessjonijiet se jsiru bejn Ġunju u Lulju, bl-ewwel waħda tkun nhar il-Ħamis 9 ta’ Ġunju fl-10am.

Għal-aktar tagħrif dwar dawn is-sessjonijiet u kif tista’ tattendi, tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300, info.sem@gov.mt jew billi żżur is-sit elettroniku sem.gov.mt fis-sezzjoni Events.