L-Ewropa li Nixtieq
Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, Servizzi Ewropej f’Malta – SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont
Matul din is-sena, fl-Unjoni Ewropea għaddej eżerċizzju wiesa’, li permezz tiegħu, ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom dwar kif jixtiequ li tkun l-Unjoni Ewropea fil-futur.
L-għan ta’ dan l-eżerċizzju, imsejjaħ il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, huwa li jħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jiddiskutu temi differenti li huma importanti fit-tfassil tal-futur tal-Unjoni u tal-proġett Ewropew.
Żgur li ħafna minnha xi darba jew oħra xtaqu jgħidu x’jaħsbu dwar kif taffettwahom l-Unjoni Ewropea, xi jdejjaqhom u x’jixtiequ li jaraw aħjar fil-futur. Din hija opportunità tajba biex ma nkunux ċittadini passivi, jew ngħidu x’naħsbu bejnietna, imma l-ideat u s-suġġerimenti tagħna nwassluhom b’mod li jinstemgħu minn min jieħu d-deċiżjonijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, id-direzzjoni li tieħu l-Unjoni Ewropea fil-futur jolqot il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna.
Bħala l-iżgħar Stat Membru tal-UE, bil-karatteristiċi tagħna, l-istil ta’ ħajja tagħna, il-mod kif ngħixu l-ħajja ta’ kuljum, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandna wkoll inħossu d-dmir li nagħtu sehemna fit-tfassil tal-ġejjieni tal-Unjoni.
Biex il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tagħti r-riżultati mixtieqa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ngħaqdu flimkien biex iwettqu dan l-eżerċizzju mal-Ewropa kollha. Il-konklużjonijiet tiegħu mistennija jinġabru sar-rebbiegħa tas-sena d-dieħla u jservu ta’ bażi għal dak li jiġi ppjanat u mwettaq fis-snin li ġejjin.
Kif jista’ wieħed jieħu sehem? Il-pjattaforma ewlenija tal-konferenza hija diġitali, li permezz tagħha, kull min irid jista’ jidħol fiha u wara li jilloggja, jagħti l-fehma tiegħu. Permezz tal-pjattaforma diġitali bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Malti, (www.futureu.europa.eu) wieħed jista’ jagħżel minn għaxar temi (it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi; l-Unjoni Ewropea fid-dinja; valuri u drittijiet, stat tad-dritt u sigurtà; trasformazzjoni diġitali; demokrazija Ewropea; migrazzjoni; edukazzjoni, kultura, żgħażagħ u sport); u ideat oħra li ma jaqgħux taħt xi waħda minn dawn it-temi. Skont it-tema, jew temi li wieħed jagħżel, ikun jista’ jara x’qed jingħad fuq is-suġġett, jikteb l-ideat u s-suġġerimenti tiegħu u anki jiddiskuti u jikkummenta ma’ ċittadini oħrajn mill-Ewropa kollha fuq dik it-tema.
F’sezzjoni oħra tal-pjattaforma, wieħed isib attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu organizzati lokalment minn diversi organizzazzjonijiet u kif jista’ jsegwihom. Diversi organizzazzjonijiet Maltin diġa għamlu dan u nistennew li matul is-sena jkun hemm aktar minnhom.
L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) wkoll qiegħda tagħti sehemha fuq livell nazzjonali biex bħala ċittadini Maltin nikkontribwixxu fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u nagħtu l-ideat tagħna dwar kif nixtiequ li naraw l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet inlaqqgħu flimkien nies minn oqsma u etajiet differenti li jiddiskutu xi waħda jew aktar minn dawn it-temi.
Fl-aħħar xahrejn, minbarra li ppromovejna b’diversi modi l-pjattaforma diġitali biex inħeġġu kemm jista’ jkun nies jieħdu sehem f’dan l-eżerċizzju, bdejna wkoll b’attivitajiet ma’ gruppi differenti, fosthom mal-edukaturi dwar il-futur tal-edukazzjoni u mal-istudenti fi Skolasajf dwar kif huma wkoll jixtiequ li jkun il-futur tagħhom.
Fix-xhur li ġejjin, minbarra li nkomplu nħeġġu iktar nies jużaw il-pjattaforma diġitali, se nkunu qegħdin norganizzaw laqgħat fi gruppi żgħar dwar temi bħall-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-identità Ewropea, is-saħħa, l-ekonomija u l-migrazzjoni. Dawn il-laqgħat se jkunu wkoll qed jiġu mxandra fuq il-paġna soċjali tal-aġenzija SEM.
Kull min ikun interessat ikun jaf aktar dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kif jista’ jikkontribwixxi, jew kif juża l-pjattaforma diġitali, hu mħeġġeġ jikkuntattjana fuq 2200 3300 jew jibagħtilna email fuq info.sem@gov.mt.