L-Ewropa li Nixtieq: Għalija u għall-Komunità li Ngħix Fiha

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea għarfet li dak kollu li tagħmel għandu jissarraf f’benefiċċji u opportunitajiet għaċ-ċittadini tagħha. Kemm jekk huwa t-tfassil tal-liġijiet li japplikaw fl-Istati Membri, kemm jekk permezz tal-fondi għall-iżvilupp tal-pajjiżi membri u taċ-ċittadini tagħhom, kemm jekk fit-tħaddim tas-Suq Waħdieni bil-moviment ħieles tal-persuni, tal-prodotti, tas-servizzi u tal-kapital, u wkoll bl-appoġġ tekniku u l-qsim tar-riżorsi f’għadd kbir ta’ oqsma.

Minkejja d-difetti tagħha u kultant il-kumplessità ta’ kif taħdem, l-Unjoni Ewropea qiegħda dejjem aktar tagħraf li t-tmexxija tagħha għandha tkun aktar ‘minn isfel għal fuq’ milli ‘minn fuq għal isfel’. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet u l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea għandhom jisimgħu aktar kif jaħsbuha ċ-ċittadini tal-Istati Membri tagħha, li ħafna drabi jħossu li dak li jsir jiġi ddettat mill-ftit fil-pożizzjonijiet l-aktar għolja ta’ tmexxija.

Madankollu, waqt li l-ogħla istutuzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri u l-Kunsill Ewropew jirrappreżentaw b’modi differenti liċ-ċittadini fil-pajjiżi membri, matul is-snin l-Unjoni Ewropea daħħlet prattiċi li bihom iċ-ċittadini jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar dak li jkun qed jiġi propost li jsir. Hekk pereżempju, meta l-Kummissjoni Ewropea tkun se tfassal xi abbozz ta’ liġi ġdida għall-Unjoni Ewropea, hija marbuta li tikkonsulta mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-settur konċernat. Barra minn hekk, kull ċittadin ikun jista’, permezz ta’ sit onlajn iwieġeb għal kwestjonarji dwar abbozzi ta’ liġijiet f’firxa wiesgħa ta’ oqsma li jmissu l-ħajja ta’ kuljum. F’pajjiżna, bħala Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, sikwit nagħmlu laqgħat biex niffaċilitaw lill-organizzazzjonijiet u lill-pubbliku jagħtu l-veduti tiegħu fuq materja jew oħra dwar l-Unjoni Ewropea.

B’mod iktar ġenerali, sa minn Mejju tas-sena l-oħra, individwi u organizzazzjonijiet qegħdin jintalbu jagħtu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom dwar kif jixtiequ jaraw l-Unjoni Ewropea fil-futur, f’eżerċizzju msejjaħ Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Din hija inizjattiva li qiegħda ssir fl-Ewropa kollha, bil-għan li l-istituzzjonijiet u l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jkunu jafu aktar x’jixtiequ n-nies minnha.

Permezz ta’ Pjattaforma Diġitali (futureu.europa.eu) f’24 lingwa, inkluż il-Malti, għall-ewwel darba fuq livell Ewropew, individwi u organizzazzjonijiet jistgħu jressqu l-ideat tagħhom, jikkummentaw fuq ideat ta’ oħrajn, fuq xi suġġett li jixtiequ, bħall-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-immigrazzjoni, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-ekonomija u anki saħansitra kif għandha titmexxa l-Unjoni Ewropea. Il-pjattaforma fiha wkoll informazzjoni dwar attivitajiet li jkunu qed isiru u li virtwalment ikollhom il-possibiltà jieħdu sehem f’diskussjonijiet anki f’pajjiżi oħra.

Fuq livell Ewropew, l-ideat u s-suġġerimenti qegħdin jiġu diskussi f’sessjonijiet imsejħa plenarji u panels taċ-ċittadini, bil-ħsieb li jinġabru l-konklużjonijiet li jfasslu t-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

Lokalment, l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qegħdin norganizzaw diversi attivitajiet ta’ diskussjoni li jagħtu ċ-ċans lil kull min jixtieq jipparteċipa. F’dawn ix-xhur qegħdin immorru f’lokalitajiet differenti biex nagħmluha iktar faċli li iktar nies isemmgħu leħinhom.

L-attività li jmiss se toħodna l-Mosta, nhar il-Ħamis 27 ta’ Jannar fis-Sala tal-Kunsill Lokali, Ċentru Ċiviku, Triq il-Kostituzzjoni u tibda fis-6 ta’ filgħaxija. Din tkun diskussjoni miftuħa li fiha, kull min jiġi jista’ jitkellem fuq liema suġġett irid b’rabta mal-futur tal-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipazzjoni f’din id-diskussjoni hija biss permezz tar-reġistrazzjoni, minħabba r-regolamenti marbuta ma’ attivitajiet fi gruppi. Kull min jieħu sehem irid jippreżenta ċ-ċertifikat validu tat-tilqima tal-COVID-19. Biex tirreġistra tista’ tibgħat email info.sem@gov.mt jew iċċempel 2200 3300 għal aktar informazzjoni. Fil-website ta’ SEM (sem.gov.mt/events) tkun taf bl-attivitajiet li jmiss li huma qrib il-lokalità tiegħek.