L-Investiment fin-Nies bil-Fondi tal-UE

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Fis-snin li ġejjin, Malta se tinvesti €250 miljun mill-pakkett ta’ fondi ta’ €2.2 biljun għas-snin 2021-2027, fi proġetti li jippromwovu t-tisħiħ tal-ħiliet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom persuni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fl-aċċess għall-impjiegi u fis-settur tas-saħħa.

Dawn il-proġetti se jkunu finanzjati mill-programm ta’ fondi tal-UE, European Social Fund Plus (ESF+), maħsub biex jgħin lill-Istati Membri jwettqu l-prijoritajiet tal-UE u r-riformi strutturali meħtieġa fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u dawk soċjali.

Bl-appoġġ tal-fondi mill-ESF+, Malta tkun tista’ ġġib ‘il quddiem l-inklużjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-iktar għan-nisa, iż-żgħażagħ, u dawk l-iktar vulnerabbli – inklużi l-immigranti u l-persuni b’diżabilità. Il-fondi se jiġu allokati wkoll għall-għotjiet ta’ ikel u vouchers lil dawk f’riskju ta’ faqar. Barra minn hekk, se jsiru investimenti fil-kura tas-saħħa fit-tul, fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’taħriġ għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, fir-riċerka u f’kampanji ta’ għarfien.

Il-prijoritajiet għal Malta, kif maqbula mal-Kummissjoni Ewropea, jinkludu t-tluq bikri mill-iskola u n-nuqqas ta’ ħiliet permezz ta’ metodi u għodod innovattivi ta’ tagħlim. Prijorità oħra importanti hi l-edukazzjoni inklussiva għal gruppi vulnerabbli – bħalma huma t-tfal u l-persuni b’diżabilità. L-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja mistenni jindirizza wkoll il-bidliet meħtieġa fit-tranżizzjonijiet ambjentali u diġitali, li huma l-prijoritajiet ewlenin tal-UE u l-Istati Membri.

L-ESF+ huwa strument importanti ħafna għall-irkupru soċjo-ekonomiku mill-pandemija tal-Coronavirus, li bla dubju ħalliet impatt mhux żgħir fuq is-suq tax-xogħol u fis-sistemi edukattivi u tas-saħħa, l-aktar biż-żieda fl-inugwaljanzi f’dawn l-oqsma. B’hekk, l-Istati Membri qed ikunu megħjuna jindirizzaw l-isfidi marbuta ma’ dawn l-oqsma ta’ prijorità.

Il-prijoritajiet ta’ investiment permezz tal-fondi tal-ESF+ jiġu diskussi u maqbula bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea qabel kull perjodu ta’ finanzjament ta’ seba’ snin li issa huwa għall-2021-2027. Kull Stat Membru jfassal il-pjan tiegħu fi programm nazzjonali li jlaqqa’ l-prijoritajiet tal-UE mal-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiż. Ladarba jiġi approvat il-pjan, kull Stat Membru jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu.

Il-proġetti li jkunu finanzjati mill-ESF+ jiġu implimentati kemm minn awtoritajiet nazzjonali u kemm minn organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu fil-qasam rispettiv.

Biex nagħtu eżempju wieħed, il-Malta Association for Supported Employment (MASE) hija organizzazzjoni li tippromwovi l-integrazzjoni ta’ persuni vulnerabbli fis-suq tax-xogħol billi tħarriġhom f’ħiliet li huma meħtieġa fuq il-post tax-xogħol. Il-MASE ħadet fondi tal-UE mill-ESF+ għall-proġett ‘L-Iżvilupp tal-Potenzjal u l-Ħiliet ta’ Persuni Vulnerabbli’. L-għan tal-proġett kien li tingħata assistenza permezz ta’ programm ta’ taħriġ lil persuni li jsibuha diffiċli jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-proġett għen madwar 50 persuna li ngħataw l-il-ħiliet meħtieġa biex isibu opportuntajiet ta’ xogħol.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) għenet lill-MASE fil-proċess tal-mili tal-applikazzjoni li jkun hemm bżonn titfassal biex jiġi spjegat fid-dettall fiex se jkun jikkonsisti l-proġett u kif se jilħaq l-għanijiet li għalihom jingħataw il-fondi skont il-prijoritajiet tal-ESF+. Wara li nkisbu l-fondi, SEM għenet ukoll lill-MASE biex timplimenta l-proġett.

Għal iktar informazzjoni dwar l-ESF+ jew fondi oħra tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew mis-sit elettroniku fondi.eu.