L-UE timmira li tnaqqas bin-nofs l-użu tal-pestiċidi sal-2030
Artiklu miktub minn Michela Meli – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont
Il-pestiċidi huma sustanzi kimiċi li jintużaw biex jipproteġu l-pjanti u l-annimali kontra insetti u organiżmi li jġibu l-mard, jinfluwenzaw kemm jikbru l-pjanti, jippreservaw il-prodotti tal-pjanti, u joqtlu jew iwaqqfu t-tkabbir ta’ pjanti mhux mixtieqa.
Bħalma kulħadd jaf, dawn is-sustanzi kimiċi mhux biss jeliminaw dak li ma jkunx mixtieq, iżda jistgħu jagħmlu ħsara wkoll lis-saħħa u lill-ambjent tagħna. Użu żejjed jew użu ħażin tal-pestiċidi jista’ jkollhom effetti ħżiena fuq il-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità, u fuq is-saħħa tal-pjanti, tal-annimali u tal-bniedem, kemm dawk li jużawhom u kemm dawk li jieklu l-prodotti li jkunu ntużaw fuqhom.
Biżżejjed ngħidu li l-użu tal-pestiċidi kimiċi jista’ jkollu effetti kroniċi fuq is-saħħa tal-bniedem, li saħansitra jġibu l-kanċer b’mod partikolari fil-ġilda, l-istonku u l-imsaren, in-nervituri, is-sistema respiratorja, riproduttiva u ormonali. Barra minn hekk, l-użu tal-pestiċidi fil-biedja joqtlu s-sistemi naturali li bihom jiddakkru l-ħxejjex u l-frott, bħan-naħal.
L-Unjoni Ewropa għandha diversi liġijiet li jirregolaw il-bejgħ u l-użu tal-pestiċidi. L-ebda prodott klassifikat bħala pestiċida ma jista’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża qabel ma jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea. B’hekk ikun żgurat li dawn is-sustanzi mhumiex ta’ detriment għas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, jew tal-ambjent.
Madankollu, ix-xjenzati u ċ-ċittadini huma dejjem aktar imħassba dwar l-użu tal-pestiċidi u s-sustanzi li jħallu warajhom fl-ambjent. Fir-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, insibu rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex l-Unjoni Ewropea tindirizza aktar l-użu tal-pestiċidi u r-riskji li jġibu magħhom.
F’eżerċizzju ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva eżistenti dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, li daħlet fis-seħħ fl-2009, instab li r-regoli eżistenti huma dgħajfa wisq u li ma ġewx implimentati b’mod uniformi mill-Istati Membri. Barra minn hekk instab ukoll li ma sarx biżżejjed progress fil-miżuri li ttieħdu biex il-pestiċidi li jintużaw iħallu l-inqas ħsara fuq il-pjanti, il-bnedmin u l-ambjent.
Għaldaqstant, bħala parti mill-istrateġija ‘Farm to Fork’ tal-Unjoni Ewropea, li hija waħda mill-pilastri ċentrali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tistabbilixxi regoli aktar ċari u stretti għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi, permezz ta’ miri ogħla.
Fost dawn il-miri, qiegħed ikun propost li sal-2030 jitnaqqas b’50% l-użu tal-pestiċidi kimiċi u r-riskji tagħhom, u l-użu tal-pestiċidi l-aktar perikolużi sal-2030. Huwa propost li dan isir billi l-Istati Membri jistabbilixxu l-miri tagħhom stess biex jiżguraw li l-miri għall-Unjoni Ewropea jintlaħqu kollettivament.
Il-Kummisjoni Ewropea qiegħda wkoll tipproponi regoli stretti ġodda biex il-kontroll tal-insetti u l-mard tal-pjanti u l-ħxejjex isir l-ewwel b’metodi alternattivi u l-pestiċidi jintużaw biss bħala l-aħħar miżura.
Qiegħed jiġi propost ukoll li jiġi projbit l-użu tal-pestiċidi kollha f’żoni sensittivi, bħalma huma parks jew ġonna pubbliċi, bandli, spazji ta’ rikreazzjoni jew ta’ sport, passaġġi pubbliċi, żoni protetti ta’ Natura 2000, u kwalunkwe żona ekoloġikament sensittiva.
Biex tiġi indirizzata l-implimentazzjoni dgħajfa u mhux uniformi tad-Direttiva eżistenti, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi li din tinbidel f’Regolament li jkun japplika direttament u b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, kull sena, l-Istati Membri ser ikunu obbligati jippreżentaw lill-Kummissjoni, rapporti dettaljati dwar il-progress u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli wara li jidħlu fis-seħħ. Ta’ min jgħid li dawn huma proposti li għad iridu jiġu diskussi u maqbula bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
It-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi kimiċi huwa pass ’il quddiem biex ikollna sistemi tal-ikel iktar sostenibbli u sikuri. Mhux biżżejjed li l-ikel li nieklu jiġbed l-għajn, jew li jkollna għażla vasta quddiemna, imma li nkunu nafu li dak li nieklu ma jagħmilx ħsara lil saħħitna u l-ambjent li ngħixu fih.