L-Ukrajna se tissieħeb fl-Unjoni Ewropea?

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Taħt l-attakki kontinwi mill-forzi militari Russi u t-theddida għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tagħha, l-Ukrajna ħadet passi biex tankra mal-bqija tal-Ewropa. Fit-28 ta’ Frar, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky talab biex pajjiżu jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, l-akbar blokk kummerċjali, li storikament għenet ukoll biex tirrenja l-paċi fl-Ewropa għal għexieren ta’ snin.

Madankollu, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhix xi ħaġa li tista’ sseħħ fi ftit xhur. Pajjiż li jkun irid jissieħeb irid jgħaddi minn proċess li jinvolvi bidla intensiva li tkopri diversi fatturi u aspetti. Il-proċess illi bih pajjiż jissieħeb bħala Stat Membru tal-UE jinqasam f’erba’ fażijiet: l-applikazzjoni, il-kandidatura, in-negozjati u s-sħubija. Ladarba pajjiż ikun ressaq applikazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – kif għamlet l-Ukrajna fit-28 ta’ Frar – il-Kummissjoni Ewropea twettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni dwar jekk il-pajjiż kandidat jissodisfax il-kriterji stabbiliti fit-Trattati biex jissieħeb fl-Unjoni.

Il-kriterji biex pajjiż jissieħeb fl-UE, magħrufa wkoll bħala l-kriterji ta’ Kopenħagen, ġew stabbiliti f’Ġunju 1993 mill-Kunsill Ewropew f’Kopenħagen, id-Danimarka. Essenzjalment, dawn il-kriterji jirrikjedu li pajjiż ikollu l-istituzzjonijiet biex jippreserva l-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem, ikollu ekonomija li tiffunzjona, u jkollu l-istrutturi u l-kapaċità li jimxi mal-obbligi li jiġu imposti fuq il-pajjiż mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

Meta n-negozjati u r-riformi meħtieġa jissodisfaw kemm lill-pajjiż kandidat għas-sħubija kif ukoll lil Unjoni Ewropea, il-pajjiż ikun jista’ formalment jissieħeb bħala Stat Membru.

Ta’ min jgħid ukoll li minħabba li dan huwa wkoll proċess ta’ natura politika, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ il-qbil unanimu tal-Istati Membri eżistenti tal-UE fl-aktar fażijiet sinifikanti sal-fażi tas-sħubija. Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet jew f’xi każi, il-kunflitti bejn il-pajjiż konċernat u l-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw il-prospetti ta’ sħubija u ż-żmien li jieħu l-proċess.

Għal ħafna Stati Membri, il-proċess kollu, mill-applikazzjoni sas-sħubija, ħa medja ta’ madwar għaxar snin, għalkemm għal xi pajjiżi, il-proċess kien aktar mgħaġġel, u ħa biss ftit snin. Essenzjalment, iż-żmien li jieħu l-proċess jiddependi fuq il-kapaċità tal-pajjiż biex jimplimenta r-riformi domestiċi meħtieġa kif ukoll fuq ir-rieda politika tan-naħat kollha.

Fil-każ tal-Ukrajna, filwaqt li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu magħqudin bis-sħiħ fl-appoġġ għar-reżistenza tal-Ukrajna quddiem l-invażjoni Russa, il-mexxejja huma maqsuma dwar kemm għandu jgħaġġel il-proċess għas-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Minn naħa, il-Litwanja u l-Irlanda jappoġġjaw il-pożizzjoni li l-proċess jitħaffef. Min-naħa l-oħra, l-Olanda hija fost dawk il-pajjiżi li huma kontra li l-Ukrajna jitħaffilha l-proċess li normalment jieħu numru ta’ snin.

Problema oħra għall-Ukrajna hija l-lista ta’ pajjiżi li diġà applikaw biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Ħames pajjiżi - l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija - bħalissa għandhom status ta’ kandidati uffiċjali tal-UE. Min-naħa l-oħra, il-Bożnja u l-Ħerzegovina u l-Kosovo jinsabu fil-grupp tal-kandidati potenzjali peress li għadhom ma ssodisfawx il-kriterji biex japplikaw għas-sħubija.

Barra minn hekk, wara t-talba tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-Ġorġja u l-Moldova wkoll issottomettew l-applikazzjoni tagħhom għas-sħubija. L-applikazzjonijiet mill-eksrepubbliki Sovjetiċi tippreżenta sfida kbira għall-Unjoni Ewropea, peress li waqt li tista’ tkun sinjal ta’ solidarjetà mal-Ukrajna, tista’ tirriskja li tkun qed tagħmel wegħdiet fiergħa lill-pajjiżi kandidati.

Filwaqt li jidher improbabbli li l-Ukrajna se tkun tista’ tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni qarib, għall-ewwel darba, dawn l-iżviluppi jistgħu jagħmluha ħaġa possibbli li ssir. Storikament, is-sħubija li l-Unjoni Ewropea tagħti lil pajjiżi ġodda, kienet waħda mill-aqwa għodod tal-politika barranija tagħha wara l-Gwerra Bierda. Fl-attentat tal-Ukrajna biex tingħaqad mal-Unjoni Ewropea, it-tentattiv tal-president Russu biex jaħtaf il-pajjiż jidher li qed ikollu l-effett oppost, għaliex qiegħed jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-Unjoni Ewropea li tappoġġja l-indipendenza tal-Ukrajna.