L-Unjoni Ewropea u s-Summit dwar il-Klima COP26

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont


Sat-12 ta’ Novembru, madwar 200 pajjiż qed ikunu rappreżentati fis-summit tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tibdil fil-klima – COP26. Is-summit, li qiegħed isir fi Glasgow, l-Iskozja, huwa meqjus bħala mument kritiku biex jixpruna l-bidla vitali fl-azzjoni globali dwar il-klima.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kienu mill-ewwel fuq quddiem f’din il-ġlieda u hija impenjata bis-sħiħ ħalli l-COP26 jagħti r-riżultati li fl-aħħar mill-aħħar jissarrfu fil-mira ewlenija li sal-2050 tintlaħaq in-newtrlità tal-karbonju.

Il-COP26 qiegħed isir fil-kuntest ta’ taqlib mgħaġġel fil-klima, b’konsegwenzi diżastrużi fid-dinja kollha. Flimkien mal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, il-bżonn li jinbena futur sikur huwa urġenti.

Dan is-summit isir kull sena, imma s-sena 2015 kienet waħda kruċjali, għaliex fis-summit COP 21 li kien sar f’Pariġi, 196 pajjiż qablu fuq il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima.

Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa trattat internazzjonali li jorbot lill-pajjiżi li jirratifikawh, li jillimitaw it-tisħin globali għal inqas minn 2 gradi celsius u possibilment anki inqas minn 1.5 gradi celsius mil-livelli ta’ qabel l-era industrijali. Biex dan l-għan jintlaħaq, il-pajjiżi jridu jnaqqsu sew l-emissjonijiet li jipproduċu u jieħdu miżuri biex jagħmlu tajjeb għal dawk l-emissjonijiet li ma jistgħux irażżnu. Din tissejjaħ newtralità tal-karbonju jew newtrlità tal-klima.

Għaldaqstant, il-COP26 qiegħed isir fi żmien meta jinħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet konvinċenti u urġenti. F’dan is-summit iridu jiġu stabbiliti miri għall-2030, ħalli sas-sena 2050 tkun intlaħqet il-mira tan-newtralità tal-karbonju. Uħud minn dawn il-miżuri jinkludu pereżempju li jiinqata’ l-użu tal-faħam, tispiċċa d-diforestazzjoni, naqilbu għall-karozzi elettriċi, tintuża l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jiġu protetti u restawrati l-ekosostemi, u jinbidel il-mod kif issir l-infrastruttura u l-agrikoltura li jipprevjenu d-diżastri u t-telf tal-ħajjiet tan-nies.

L-Unjoni Ewropea hi attur ewlieni f’dawn l-isforzi favur il-klima, b’impenn sħiħ u kollaborazzjoni sħiħa mal-pajjiżi l-oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u biex kull pajjiż ikollu miri ċari u konkreti li jwasslu għan-newtralità fil-klima globali sas-sena 2050.

L-Unjoni Ewropa għandha dan l-impenn ċar u hi impenjata li sal-2050, l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Għalhekk diġà għandha l-pjan imsejjaħ Patt Ekoloġiku Ewropew (European Green Deal) li flimkien mal-Liġi Ewropea tal-Klima jistabbilixxu pjan fit-tul għall-ekonomija fl-Unjoni Ewropea bbażata fuq prinċipji favur l-ambjent b’dawn il-miri: li sas-sena 2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u li sas-sena 2030 tintlaħaq il-mira ta’ 40% ta’ enerġija rinnovabbli.

Minħabba li l-kriżi tal-klima hija kriżi globali, il-miri wkoll iridu jintlaħqu b’mod globali u biex dan isir irid jingħata finanzjament qawwi mill-pajjiżi żviluppati ta’ mill-inqas 100 biljun dollaru fis-sena. Fejn jidħol il-finanzjament għall-klima, l-Unjoni Ewropea hija l-ikbar donatur għaliex toħroġ €21 biljun kull sena għall-finanzjament għall-klima globalment.

L-Unjoni Ewropea kkommettiet 30% mill-baġit għas-seba’ snin 2021-2027 u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza NextGenerationEU biex tixpruna l-azzjoni favur il-klima fl-Istati Membri.

It-tir ewlieni tal-Unjoni Ewropea hu li tbiddel l-ekonomija Ewropea u s-soċjetà Ewropea f’waħda li ma tniġġisx, filwaqt li tibqa’ tikber l-ekonomija bl-investiment u l-innovazzjoni, f’impjiegi adatti u ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa għal din it-tip ta’ ekonomija u stil ta’ ħajja.

Diġà, fil-ġranet li għaddew mill-COP26 qed naraw rieda aktar soda u inizjattivi mill-gvernijiet favur l-azzjoni għall-klima. Dan jawgura tajjeb għas-snin li ġejjin.

F’din il-kwistjoni ħadd ma jista’ jħalli għal għada, kulħadd skont is-sehem li jista’ jagħti - gvernijiet, kumpaniji, organizzazzjonijiet u individwi. Għada jista’ jkun tard wisq.