Nagħmlu l-parti tagħna, innaqqsu l-konsum tal-Enerġija

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-Unjoni Ewropea ħadet diversi azzjonijiet u miżuri biex tirrispondi għall-invażjoni tal-Ukrajna, fosthom bl-għajnuna umanitarja u bis-sanzjonijiet. L-aħħar pakkett ta’ miżuri maqbula bejn il-mexxejja tal-Istati Membri kien jinkludi l-projbizzjoni tal-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum u prodotti raffinati mir-Russja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan li jħares ‘il quddiem biex tintemm id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-gass u ż-żejt mir-Russja.

Dan il-pjan, imsejjaħ REPowerEU, mhux biss huwa r-rispons tal-Unjoni Ewropea għat-tfixkil fil-provvista tal-enerġija impurtata fl-Ewropa mir-Russja, imma wkoll ikompli jindirizza l-kriżi tal-klima. Dan il-pjan iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet biex jaħdmu flimkien f’sistema ta’ xiri konġunt tal-provvisti tal-enerġija li jkun koordinat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-pjan jaħseb ukoll biex tiżdied id-diversifikazzjoni fis-sorsi tal-enerġija fosthom bl-introduzzjoni tal-użu tal-idroġenu waqt li jiżdied it-tagħmir u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Dawn il-miżuri se jkunu appoġġjati minn fondi dedikati għall-hekk imsejħa Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza li qed jingħataw lill-Istati Membri, inkluż Malta, biex iwettqu investimenti u riformi għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u favur miżuri soċjali u l-governanza tajba, fost l-oħrajn. L-Istati Membri, qed ikunu mitluba biex fil-pjanijiet tagħhom ta’ kif jinvestu dawn il-fondi u fondi oħra tal-Unjoni Ewropea, issa jinkludu wkoll azzjonijiet iktar speċifiċi biex ikunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jiddependu inqas minn sorsi tradizzjonali tal-enerġija.

Dan ifisser fost l-oħrajn li lkoll kemm aħna naraw kif nistgħu niffrankaw l-enerġija permezz ta’ bidliet fil-modi kif nużaw l-enerġija. Dan huwa mod prattiku biex innaqqsu d-domanda għall-gass u ż-żejt, b’mod speċjali billi nnaqqsu l-konsum tal-fjuwils fossili fl-industrija u fit-trasport.

Xi ħaġa prattika li kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħmlu hi li nnaqqsu l-konsum tal-enerġija. Dan jibqa’ ħafna drabi l-iktar mod irħis, sikur u nadif, biex innaqqsu d-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja. Barra minn hekk, inkunu qegħdin niffrankaw mill-kontijiet li nħallsu għall-enerġija u nnaqqsu l-piż fuq il-pajjiż biex jimportaha.

Min-naħa l-oħra, meta nnaqqsu l-konsum tal-enerġija nkunu qegħdin nikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u fl-istess ħin ikollna inqas emissjonijiet tal-gassijiet serra, inqas tniġġis tal-arja u inqas tnaqqir tar-riżorsi naturali, bil-benefiċċji li dawn iġibu magħhom, inklużi dawk għas-saħħa tagħna.

Bis-saħħa ta’ ċerti għażliet volontarji b’ċerti bidliet fl-istil tal-ħajja u fl-imġiba tagħna nistgħu nnaqqsu ġmielu l-konsum tal-enerġija u niffrankaw il-ħela. Xi eżempji ta’ azzjonijiet li nistgħu nagħmlu huma dawn: innaqqsu kemm insaħħnu jew inkessħu d-djar tagħna, innaqqsu kemm insaħħnu l-ilma u l-ħela tiegħu, insuqu b’mod aktar ekonomiku u naqilbu għal aktar trasport pubbliku jew modi oħra ta’ kif immorru minn post għal ieħor, nużaw apparat domestiku u arja kkundizzjonata b’mod aktar effiċjenti u nitfu d-dwal li mhux meħtieġa. Nistgħu wkoll infittxu li nixtru prodotti li jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u allura jaħlu inqas enerġija.

Bl-għażliet li nagħmlu l-ħin kollu fil-konsum tal-enerġija, b’azzjonijiet f’waqthom u li ħfna drabi ma jiswewx flus, inkunu qegħdin intaffu l-piż fuq il-bwiet tagħna għall-konsum tal-enerġija, nibżgħu aktar għal saħħitna u għall-ambjent, nikkontribwixxu għall-indipendenza tal-Ewropa fil-qasam tal-enerġija, u fl-aħħar milk-aħħar inkunu qegħdin niggarantixxu futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.