Nibnu l-futur illum

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

It-tfal tal-lum, b’mod ġenerali jixtiequ li jingħataw widen dwar l-ideat tagħhom ta’ kif jixtiequ li jkun il-futur tagħhom bħala ċittadini Ewropej. Huma lesti wkoll jagħtu sehemhom fil-bini ta’ futur aħjar u jistennew li l-ġenerazzjonijiet l-oħra jibnu għalihom futur sikur u b’saħħtu f’diversi aspetti.

Dan ħareġ minn attivitajiet li għamilna għat-tfal ta’ Skolasajf bħala aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta flimkien mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.

Peress li matul din is-sena, fl-Unjoni Ewropea għaddej eżerċizzju wiesa’ ta’ smigħ ta’ ideat u suġġerimenti dwar kif iċ-ċittadini jixtiequ li jkun il-futur tal-Ewropa f’diversi oqsma, xtaqna li l-attività li nagħmlu fi Skolasajf nisimgħu wkoll l-ideat tat-tfal dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tagħhom bħala ċittadini Ewropej.

Fl-attivitajiet onlajn li għamilna ma’ gruppi ta’ tfal ta’ madwar 10 snin, ilħaqna mal-250 tifel u tifla. Permezz ta’ poster li żviluppajna apposta, it-tfal setgħu jagħżlu huma stess xi tema jew oħra li tolqothom u jikkummentaw dwar liema aspett jew aspetti jixtiequ jaraw żvilupp għall-aħjar.

Il-konklużjonijiet li ġbarna minn dawn l-attivitajiet jistgħu jgħallmuna ħafna dwar x’inhuma l-aspirazzjonijet tat-tfal u x’soċjetà jixtiequ li jgħixu fiha.

It-tfal jafu x’inhuma l-prijoritajiet l-iktar importanti
Fil-poster li użajna, għamilna tifel jintimida lil tifel ieħor, iżda dawn qegħdin fuq wara tal-poster u ma tinnotahomx malajr. Interessanti li diversi tfal innutaw dan l-aspett u kkummentaw dwaru, bix-xewqa li l-bullying jinqata’ darba għal dejjem. Dan juri li t-tfal jagħrfu x’jiġi fuq quddiem fil-prijoritajiet tal-valuri tagħhom u għaldaqstant jixtiequ li dawn jiġu indirizzati aktar.

Għażla favur ħajja iktar b’saħħitha
It-tfal għandhom l-ambjent għal qalbhom ħafna. Fis-sessjonijiet li kellna nnutajna li l-biċċa l-kbira tat-tfal mhux biss jitkellmu dwar xi jmisshom jagħmlu l-awtoritajiet favur l-ambjent, b’iktar spazji miftuħa u b’inqas tniġġis, imma wkoll kif huma lesti li jagħmlu l-parti tagħhom biex jgħixu f’soċjetà li tirrispetta aktar l-ambjent.

Bħala eżempji, ħafna tfal tkellmu dwar l-ikel li jieklu, dwar l-importanza li jipprattikaw xi sport u li jużaw spazji fejn jimirħu lil hinn mill-kotba u l-ħin li jgħaddu jużaw il-mezzi tat-teknoloġija.

Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet
Punt ieħor importanti kien li ġenerazzjonijiet differenti għandhom x’jitgħallmu minn xulxin u għandhom jirrispettaw iktar lil xulxin. B’mod speċifiku, diversi tfal aċċennaw għall-bżonn ta’ iktar rispett lejn l-anzjani, kemm għandna x’nitgħallmu minnhom u kemm għandhom ikunu inklużi aktar biex jikkontribwixxu lejn il-komunità.

Nixtiequ ngħixu f’soċjetà li tilqgħek
Il-maġġoranza tat-tfal li ltqajna magħhom fi Skolasajf urew xewqa li jgħixu f’soċjetà li fiha jħossuhom milqugħin, sikuri u protetti. Dan ma jgħoddx biss għall-persuni l-iktar qrib tagħhom, imma wkoll għal persuni oħra li ma jafuhomx, huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin.

Rispett
L-attivitajiet ta’ Skolasajf tassew urewna fejn iħabbat il-polz tagħhom.

Kieku kellna niġbru dak kollu li qalu t-tfal f’kelma waħda, nagħżlu l-kelma RISPETT. It-tfal li ltqajna magħhom lesti li jirrispettaw lill-oħrajn kif jixtiequ li jiġu rispettati huma stess, imma jistennew ukoll li jiġu rispettati u protetti biex il-futur tagħhom ikun wieħed fejn jistgħu jserrħu rashom.

Dan jagħtina ħafna x’naħsbu kif aħna nistgħu nikkontribwixxu skont ir-responsabbiltajiet tagħna għal futur isbaħ u aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.